Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis, ippreżentaw il-Premju Anzjanità Attiva 2018.
Dan il-premju jirrikonoxxi lill-anzjani li huma attivi f’bosta oqsma fil-komunità u anke dawk li jaħdmu bi sħiħ sabiex ikollna aktar anzjanità attiva fis-soċjetà Maltija. Apparti hekk, dan il-premju prestiġġjuz qiegħed jingħata f’kuntest ta’ Politika Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva 2014 – 2020, li tistrieħ fuq tliet temi ewlenin: parteċipazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol, parteċipazzjoni fis-soċjetà, u għajxien indipendenti.
Il-President Coleiro Preca saħqet li għandna nibqgħu nivvalutaw is-sehem tal-anzjani tagħna f’pajjiżna, biex kull persuna tagħti l-istess valur importanti lill-anzjani fis-soċjetà tagħna. Hija appellat lill-anzjani biex ikomplu jsostnu l-valuri tas-solidarjetà u tal-ġenerozità, valuri li jżommuna magħqudin, jiddistingwuna bħala poplu, u li dejjem mexxew lil dan il-ġens tagħna. Hi saħqet li dawn huma l-valuri li jagħtu d-dinjità xierqa lil poplu tagħna.
“Komplu kunu attivi. Komplu agħmlu ħilitkom. Komplu għinu lil dan il-poplu tagħna. Komplu għamlu dak kollhu possibbli biex Malta tagħna tkompli tikber, tissoda, timxi ’l quddiem għal ġid tagħna llum, imma l-aktar għall-ġid tat-tfal tagħna għada”, tenniet il-President.
Agius Decelis stqarr li din hija l-opportunità tagħna biex nuru l-apprezzament lill-anzjani li huma impenjati fl-oqsma varji relatati mal-Politika Strateġika għall-Anzjanità Attiva 2014 – 2020 u li jħallu impatt pożittiv b’dan l-impenn. Huwa ħeġġeġ lill-anzjani jibqgħu jagħmlu l-affarijiet li jtuhom sodisfazzjon, jibqgħu jagħmlu eżercizzju fiżiku, jibqgħu jitbissmu, jibqgħu jaqsmu l-għarfien u l-memorji tagħhom ma’ ħaddieħor, u jibqgħu jaqsmu l-ideat tagħhom ma’ persuni minn ġenerazzjonijiet oħrajn.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Professur Carmelo Borg, li mexxa l-bord tal-għażla, għaraf li hemm konnessjoni bejn iċ-ċittadinanza attiva u l-anzjanità attiva, għaliex bosta rebbieħa ta’ dawn il-premji kellhom ħajja mimlija u attiva
Ir-rebbieħa ta’ Premju Anzjanità Attiva 2018 huma:
Premju Kopja Miżżewġa: Il-Koppja Luciano u Maryanne Vassallo
Premju Anzjanità Akkademika: Is-Sur Massimiliano Farrugia
Premju Anzjanità Sportiva: Is-Sur Amand P Veranneman
Premju Mudell Ideali: Is-Sinjura Speranza Xuereb
Premju Anzjanità Kulturali: Is-Sinjura Francoise Tempra
Premju Proġetti Anzjanità Attiva: Is-Sinjura Mary Gauci
Premju Life-Time Achievement: Fr Hilary Tagliaferro
Premju Anzjanità Attiva: Is-Sur Philip Chircop
Agius Decelis irringrazzja b’mod speċjali lill-bord tal-għażla mmexxi mill-Professur Carmel Borg, u kompost minn Alex Gobey, Ronald Zaffarese, u Narcy Kalamatta, kif ukoll lit-team tas-Segretarjat Parlamentari, lid-Direttur tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Patrick Vella, u l-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul Josianne Cutajar, li flimkien jaħdmu kontinwament sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jirċievu servizzi fil-komunità u anka residenzjali li jtejbu l-inklużjoni soċjali u l-kwalità tal-ħajja tagħhom.