Kenneth Brincat, Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ġie ppremjat is-Segretarju Eżekuttiv tas-Sena 2017 mill-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Kumitati Reġjonali (ANSEK) .
Fiċ-ċerimonja tal-premju, is-Sur Paul Gatt, President tal-ANSEK spjega li għal din it-tieni edizzjoni kien hemm sitt nomini, u li dan il-Premju jservi biex ir-rebbieħ ikun mudell ta’ oħrajn biex jagħmlu bħalu u biex jimmotiva lis-Segretarji Eżekuttivi liema motivazzjoni twassal biex finalment jintlaħaq il-vera skop tal-Kunsilli Lokali, dik li ċ-ċittadin jinqeda aħjar.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u l-Komunitajiet, l-Onorevoli Silvio Parnis sostna li l-kariga ta’ Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsilli Lokali u Kumitati Reġjonali hija importanti ħafna fil-ħidma tal-Gvern Lokali biex il-Kunsilli Lokali jkunu qrib ic-cittadin. Huwa kompla li “bil-ħidma tas-Segretarji Eżekuttivi flimkien mas-Sindki u kunsilliera dawn iwasslu lill-Kunsilli tagħna fil-quċċata u n-nies hemm barra jkollhom Kunsilli ta’ eċċellenza.”
Iċ-Ċerpersin tal-Bord tal-Għażla, is-Sur Alfred Fiorini Lowell, fisser kif is-Sur Kenneth Brincat ġie magħżul bħala r-rebbieħ ta’ dan il-Premju. Kenneth Brincat ilu fil-kariga ta’ Segretarju Eżekuttiv mill-2000, fejn serva fil-Kunsilli Lokali ta’ Floriana, Gharghur u Ħal Qormi. Matul din l-aħħar sena, Kenneth Brincat kien fundamentali fil-proġett innovattiv tal-Smart Parking Technology li ġie implimentat għall-ewwel darba f’Malta fil-lokalita’ tagħna, filwaqt li kien l-awtur tar-rapport dwar Performance Indicators biex l-Kunsill tagħna kien l-ewwel Kunsill f’Malta li għamel dawn l-indikaturi.
Is-Sur Kenneth Brincat mexxa l-applikazzjoni tal-Kunsill Lokali Ħal Qormi biex sar wieħed mill-ftit Kunsilli Lokali fl-Ewropa li kisbu il-European Label for Governance Excellence flimkien mal-Kunsill Lokali Naxxar.