Matul konferenza li saret dalgħodu fi Smart City b’rabta mal-Premju tal-aqwa Intraprenditur, il-Ministru Edward Scicluna spjega li l-intraprenditorija hija fenomenu li titwieled bih.
Sostna li meta persuna tingħata l-ispazzju biex tiżviluppa s-sens intraprenditorjali tagħha tkun tista’ tuża l-għodda disponibbli bil-għan li ssaħħaħ aktar l-idea tagħha.
Huwa stqarr li l-intraprenditorija f’Malta jeħtieġ li tiżdied u tisaħħaħ. Dan għaliex minkejja li studju li sar juri li 80% ta’ dawk li wieġbu jippreferu li jaħdmu għal rashom,il-persentaġġ ta’ persuni li jagħmlu dan il-pass huwa ferm iżgħar.
Il-Ministru spjega li l-għan ta’ dan il-premju huwa li jħajjar u jimmotiva iktar l-intraprenditorija f’Malta, biex aktar nies jiġu ‘l quddiem u jiżviluppaw l-ideat tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-konsulent u professur David Dingli ddeskriva l-intraprenditorija bħala dik li tagħti lok lin-nies jagħmlu dak li jixtiequ. Huwa spjega kif dawn l-ideat intraprenditorjali jinbidlu f’prodotti u servizzi li sussegwentament joħolqu iktar impjiegi.
Martin Vella, minn MBR Publications, qal li l-premju mhux kompetizzjoni, imma huwa ċelebrazzjoni ta’ ideat li kkontribwew għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.