Fetħu b’mod uffiċjali l-applikazzjonijiet għall-premju Anzjanità Attiva li għall-ewwel darba ser tkun qed tħejji disa’ premjijiet.
L-avveniment annwali jirrikonoxxi l-ħidma ta’ diversi anzjani li ta’ kuljum jagħtu kontribut lis-soċjetà tagħna.
Iċ-Chairman tal-Bord tal-Għażla, il-Professur Carmel Borg saħaq li dawn il-premjijiet għandhom l-għan li juru l-anzjanità fil-milja tagħha.
“Sew inkunu qed infittxu anzjani li huma attivi llum, attivi b’diversi modi fil-kamp kulturali, fil-kamp sportiv, fil-kamp akkademiku, fl-altruiżmu tagħhom mela fil-kamp soċjali u f’dak li għandu x’jaqsam ma’ relazzjonijiet. Mela dan mhuwiex premju li jippremja l-karriera imma se jħares lejn anzjani llum u l-attività tagħhom.”
Fost il-premjijiet li ser jingħataw din is-sena hemm il-premju għall-Koppja Miżżewġa, Mudell Ideali u Anzjanità Attiva fid-Djar Residenzjali fost oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis stqarr li din is-sena l-anzjani kellhom sfida liema bħala fid-dawl tal-pandemija iżda wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li tul is-sena kienu bosta l-anzjani li ħarġu b’ideat innovattivi biex iżommu lilhom infushom attivi.
In-nominazzjonijiet jagħlqu fl-aħħar ta’ Settembru, filwaqt li ċ-ċerimonja tal-premjijiet se ssir xahar wara b’mod virtwali.
L-applikazzjoni tista’ tinkiseb mis-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, permezz ta’ email jew mill-uffiċini tal-Kunsilli Lokali.