Is-sena d-dieħla l-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, li din is-sena qed jiċċelebra l-50 anniversarju minn meta fetaħ għall-pubbliku fil-Palazz Vilhena, l-Imdina, se jgawdi minn investiment ta’ madwar €300,000. Dan ħabbru Iċ-Chairman tal-Heritage Malta, Mario Cutajar.
Is-Sur Cutajar qal li kull ċenteżmu li se jintefaq jissarraf ferm iktar jekk tabilħaqq infasslu l-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali ta’ għada b’mod li anke ismu jirrifletti aħjar il-funzjoni ġdida tiegħu. “Irridu naraw li dal-mużew ma jibqax jirrifletti lbieraħ imma permezz tal-kollezzjonijiet tiegħu jkattar il-kuxjenza fuq l-ambjent li jdawwarna u jaħdem biex nibżgħu għalih u nipproteġuh għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qal is-Sur Cutajar.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija u t-telfa tal-Mużew Nazzjonali fil-Belt Valletta, il-kollezzjonijiet tal-istorja naturali li ma nqerdux fil-bumbardamenti ma ġewx imħarsa kif jixraq u bosta eżemplari ntilfu għal dejjem wara li ttieklu mill-ħanfus u insetti oħra.
Matul il-gwerra u ż-żewġ deċennji ta’ warajha, il-kollezzjonijiet inħażnu f’Casa Leoni f’Santa Venera. Fl-1966 ittieħdet id-deċiżjoni li l-Mużew tal-Istorja Naturali kellu jinfetaħ fil-Palazz Vilhena fl-Imdina. Il-palazz kien ilu għaxar snin magħluq, billi qabel kien serva bħala sptar għal pazjenti morda bit-tuberkolożi. Il-mużew infetaħ għall-pubbliku f’Ġunju tal-1973.
Minn dak iż-żmien, il-kollezzjonijiet baqgħu sal-lum jikbru bla waqfien. Għalkemm dan huwa fattur inkoraġġanti ħafna, ikompli jiggrava l-problema ta’ nuqqas ta’ spazju. Il-kollezzjoni tal-għasafar biss, li kienet tikkonsisti f’1,700 eżemplar 20 sena ilu, issa tlaħħaq għal aktar minn 10,000.
Illum il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali huwa l-aktar sit li jżuruh familji bi tfal żgħar. Iservi wkoll bħala repożitorju tal-kollezzjoni bijoloġika nazzjonali, fejn jagħmlu r-riċerka tagħhom studjużi Maltin u barranin.
Intant, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-mużew, il-Heritage Malta nediet ktieb bl-isem ‘The National Museum of Natural History: 50 Years in Mdina, A Photographic Journey’, li ġie kkumpilat minn John J. Borg, Kuratur Anzjan tal-mużew. Il-50 ritratt li jidhru fil-ktieb qed jiġu esebiti wkoll fil-mużew stess, f’wirja li se tibqa’ għaddejja sa Diċembru.
Ftit jiem ili, waqt żjara lill-mużew, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, saħaq fuq l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-mużewijiet, fir-riżorsi, u fl-opportunitajiet meħtieġa biex jitkompli jitrawmu aktar ħaddiema f’dan is-settur.