L-ogħla uffiċjali fit-tmexxija tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol attendew għal seminar bit-tema ‘Ippjanar u Twettiq’ li ffoka fuq it-tmexxija u l-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati fil-vjaġġ edukattiv. Dan is-seminar kien organizzat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol flimkien mal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni. Matul dan is-seminar kienu diskussi l-miżuri li l-Ministeru jrid iwettaq biex ikompli jtejjeb is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. Fih tkellmu l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Permanenti Dr Frank Fabri stqarr li, “Quddiemna għandna vjaġġ li rridu mmexxu għall-edukazzjoni f’pajjiżna u dan jorbotna b’responsabbiltà morali biex l-istudenti jirnexxu lkoll u biex l-għalliema jkollhom tabilħaqq ħin adekwat għall-pjaċir fit-tagħlim u t-tkabbir u l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa milll-istudenti tagħna.”
Huwa spjega li kien proprju għalhekk li fl-ewwel jiem ta’ din is-sena, b’mod immedjat, l-amministrazzjoni waqfet u bdiet tlaqqa’ Implementation Task Force biex tara li kull miżura li toħroġ mill-ftehim settorali l-ġdid li ġie ffirmat fil-21 ta’ Diċembru 2017 ikollha owner, data ta’ implimentazzjoni, u work plan, waqt li l-operat kellu jiddentifika dawk il-miżuri biex jimplimentahom mill-ewwel u bla dewmien.
Żied jgħid ukoll li fis-sajf li ġej ser ikun qed isir ix-xogħol fuq madwar 77 workshop ġdid fl-iskejjel sekondarji kollha biex fihom jiġu mgħallma s-suġġetti vokazzjonali u applikati.