Qed tkompli taqa’ l-maskra ambjentali tal-Partit Nazzjonalista dan hekk kif l-applikazzjoni għall-villa f’ODZ ta’ Toni Bezzina ssejħet bħala waħda qarrieqa minn Din l-Art Ħelwa.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal kif wieħed irid dejjem iżomm f’moħħu li l-persuna nkwistjoni hu deputat Nazzjonalista li minn quddiem il-kameras jagħmel mod iżda fil-kwiet tal-uffiċċju tiegħu jagħmel mod ieħor.
Fakkar kif l-applikazzjoni, li tefa’ f’isem martu minflok f’ismu, Bezzina kien sostna li se jkun qed jirrestawra żewġt ikmamar biss iżda ma’ dawn iż-żewġt ikmamar ried jibni pixxina, lift, garaxx ta’ żewġ karozzi, kċina flimkien ma’ kamra tal-ikel, tlett ikmamar tas-sodda, tlett ikmamar tal-banju u kif ukoll fireplace.
Galdes qal li dan m’hu xejn ħlief ipokrezija fejn filwaqt li Bezzina pprotesta fuq proġett ta’ fejda bħall-American University of Malta, issa qed japplika għall-villa lussuża f’art ODZ taħt l-Imdina.
Hu qal ukoll li din l-ipokrezija qed jesponuha anke għaqdiet ambjentali, l-istess għaqdiet li sa ftit ilu kienu qed jippożaw magħhom. Fosthom kien hemm Din l-Art Ħelwa li sostniet li l-applikazzjoni ta’ Bezzina hi waħda qarrieqa.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li din l-applikazzjoni turi kif hi waħda qarrieqa bħall-kampanja ta’ Simon Busuttil u tal-Partit Nazzjonalista fejn l-ewwel fuq ir-rapporti dwar l-ambjent qalu ODZ is ODZ iżda ftit wara jisnew u jmorru bil-gafef jibnu l-vilel.
Zammit Lewis qal li d-dikjarazzjoni ta’ Din l-Art Ħelwa hi waħda b’saħħitha għax filwaqt li din l-għaqda oġġezzjonat, Bezzina, aġixxa biss għax inqabad mill-media u kien għalekk biss irtira l-applikazzjoni.
Sostna kif l-Alternattiva Demokratika qed titlob lil Bezzina jirriżenja jew li jitneħħa fejn din turi li l-AD ukoll qed tara l-ipokrezija tal-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit tiegħu.
Semma wkolla kif Carmel Caccopardo qed jistaqsi dwar kif jsita’ jkun li Bezzina jkun wieħed mill-awturi ta’ rapport għall-ambjent u fl-istess ħin qed japplika għall-villa lussuża.
Zammit Lewis semma wkoll dikjarazzjoni b’saħħitha li għamel Alan Deidun fejn qal li din mhix idea tajba li Bezzina jkun wieħed mill-awturi.
Temm jgħid li din hija ipokrezija grassa tal-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista.