Kaċċatur tressaq il-Qorti llum wara nofsinhar akkużat b’kaċċa illegali. Dan weħel multa ta’ €5,000, kellu liċenzja kkonfiskata b’mod permanenti u tteħidlu s-senter, wara li spara fuq tellerita. Din hija speċi ta’ għasfur protett b’tisfira distinta, speċjlament billejl.
Fi stqarrija Birdlife qalet li nhar il-Ħamis 13 ta’ April filgħodu, kienu ħaddiema tagħha li osservaw kaċċatur jispara fuq it-tellerita. Il-kaċċatur deher jispara lejn l-għasfur, u aktar tard ġie ffilmjat jiġbor l-għasfur li qatel fl-Aħrax tal-Mellieħa. Ftit wara, l-istess kaċċatur kien iffilmjat ukoll jispara fuq Tellerita oħra tal-passa, imma ma laqathiex. Fuq il-post ġew imsejħa l-pulizija, li sabu l-għasfur fejn kien moħbi u ġabruh. Il-kaċċatur laħaq ħarab mill-post.
Il-filmat ġie mgħoddi lit-taqsima tal-Administrative Law Enforcement (ALE) tal- Pulizija u għen biex il-pulizija jidentifikaw lis-suspettat u jressquh il-Qorti.
Skont Birdlife, it- Tellerita kienet it-tlettax-il għasfur protett li ġie rkuprat tul dan l-istaġun tar- rebbiegħa wara li spiċċa fil-mira tal-kaċċa illegali. Dan l-għasfur hu klassifikat taħt l-Ewwel Skeda tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi u għalhekk igawdi mill-ogħla livell ta’ ħarsien mogħti mil-liġi.
Uffiċjali ta’ infurzar qed iwettqu spezzjonijiet kontinwi biex jiżguraw li ma ssirx kaċċa illegali.
Apparti minn hekk, fl-istaġun tal-kaċċa għas-summien li għalaq fil-Ġimgħa l-Kbira, kaċċaturi kienu obbligati li javżaw il-Wild Birds Regulation Unit għal kull għasfur maqbud.