Iosif Galea, l-Erbgħa ngħata l-ħelsien mill-arrest.
Dan wara seduta fil-Qorti hekk kif il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Marcus Cachia mit-Taqsima tas-Cybercrime, provdiet dettalji b’rabta mal-investigazzjonijiet fil-konfront tal-imputat.
Il-ġimgħa li għaddiet Galea ġie estradit lura lejn Malta mill-Ġermanja wara li serva sentenza ta’ ħabs b’rabta ma’ evażjoni ta’ taxxa.
Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello ġie spjegat il-komunikat bejn Iosif Galea u ċertu Jason Farrugia, eks uffiċċjal fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Logħob li wkoll qed jaffaċċja proċeduri separati, flimkien ma’ martu.
Fil-Qorti ġie spjegat kif Farrugia u Galea kienu qed jippjanaw li jiftħu negozju flimkien. Intqal ukoll kif Farrugia rnexxielu jinfiltra s-sistemi diġitali tal-MGA sabiex jaċċessa dokumenti li ma kienx awtorizzat għalihom.
Galea ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma f’għassa 3 darbiet fil-ġimgħa. Huwa inħeles fuq depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €15,000.