Proprju mill-kċina ta’ wieħed mir-restoranti ewlenin f’pajjiżna, ONE News żar it-tħejjijiet li qed isiru, hekk kif eluf ta’ Maltin, Għawdxin u turisti jinsabu lesti biex jiċċelebraw il-Milied, permezz ta’ ikla f’xi restorant jew f’xi lukanda.
Din is-sena ltqajna mal-kok magħruf Ray Fauzza, li tana l-okkażjoni li nduru ftit mal-kċina tiegħu, imqassma għal kull tip ta’ ikel li dan ir-restorant jipprepara b’reqqa kbira.
Malli rfisna fil-kċina stajna ninnotaw attività kbira għaddejja fejn, bla dubju, jiddomina protagonist tal-Milied – id-dundjan.
Lil hinn mill-festi tal-Milied u l-impenji li jġibu, Fauzza spjegalna li l-karriera fil-catering nibtet fih minn meta telaq jimxi.
“Kien hemm chef li kien qalli trid tiġi fil-kċina u jiena għedtlu mela le. U għadni niftakar qisu lbieraħ jiena l-ewwel ħaġa li għallimni nagħmel il-mayonnaise b’idi. U minn hemmekk qatt ma ħarist lura dejjem ħarist ’il quddiem. Imma missieri kien jgħidli kultant ħares lura ħalli tkun taf minn fejn ġej u rasek ma tikbirlekx u dik baqgħet fija.
Ray Fauzza, Kok
Ma kienx jonqos li naraw il-proċess għal platt għaġin tal-ħut li żgur jinżel tajjeb ma’ kull min iżur dan ir-restorant. Fil-fatt Malta għandha ġawhra partikolari, il-baħar, u dan ir-restorant jikkumplimenta dan kollu.
B’rabta mal-festi tal-Milied, staqsejna lill-kok war it-tradizzjonjiet tal-ikel marbutin ma’ dan iż-żmien. Hawnhekk il-head chef qalilna hekk.
“Illum ħafna mit-tradizzjonijiet spiċċaw. Aħna nipprovaw inżommuhom, però ovvja trid timxi mal-modern ukoll. Jiġifieri jekk wieħed irid idaħħal din il-ħaġa, idaħħalha, imma xorta d-dundjan irid jibqa’ hemmhekk.”
Ray Fauzza, Kok
Sadanittant Ray Fauzza tenna kemm trid issegwi mill-qrib it-tħejjijiet għal dawn l-ikliet u tibda tipprepara minn ferm qabel.
“Meta taħdem menu trid tkun ippreparat li jkollok dawk l-ingredjenti, dawk il-prodotti li se tuża, jiġifieri dik hi l-ewwel biċċa wġigħ ta’ ras. Trid toqgħod attent x’tagħmel ukoll. Ma tridx tmur għal affarijiet li mhumiex fl-istaġun. Imbagħad tidħol ħafna l-indafa, l-iġjene.”
Ray Fauzza, Kok