Il-qasam tas-saħħa kien l-ikbar xhieda ta’ kif għandna nżommu n-nies fiċ-ċentru tal-politika tagħna.
Dan kien is-sentiment ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt diskors f’konferenza tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej f’Berlin u li għaliha attendew diversi Prim Ministri, Kummissarji Ewropej, Ministri u mexxejja ta’ Partiti Soċjalisti Ewropej oħrajn minn madwar l-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt f’din il-konferenza bit-tema, ‘With Courage, For Europe,’ Dr Abela saħaq dwar l-importanza li n-nies jinżammu fiċ-ċentru tal-politika, u tenna l-importanza ta’ ekonomija b’saħħitha.
Dan sabiex wieħed jipproteġi s-saħħa tal-individwi flimkien mal-impjieg tagħhom.
Fuq dan il-punt partikolari, il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna għas-sitwazzjoni ta’ Malta u kif fl-aħħar xhur il-Gvern Malti adotta politika li tieħu ħsieb is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja.
Dan fl-istess waqt li l-ekonomija ta’ pajjiżna kompliet tikber aktar mill-medja Ewropea minkejja li ġiet miġġielda b’mod effettiv il-pandemija.
Dr Abela ffoka parti mid-diskors tiegħu wkoll fuq l-importanza li l-qgħad jinżamm baxx speċjalment fost iż-żgħażagħ.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-qasam tal-ugwaljanza, wara li fi Brussell flimkien ma’ 15-il mexxej ieħor, iffirma ittra li tibgħat sinjal ċar favur id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+.
Hawnhekk sostna li l-Partiti Soċjalisti jridu jibqgħu jkunu fuq quddiem nett biex jippromwovu l-ugwaljanza.
Dwar dan Dr Abela temm jgħid kif Malta ftit tal jiem ilu saħħet il-pożizzjoni tagħha fil-quċċata tal-klassifika tad-drittijiet għall-persuni LGBTIQ+ u sostna li hemm l-impenn li jsir iżjed għaż-żmien li ġej.