“Inżomm totalment mad-deċiżjoni li ħadt dwar l-Afganistan.”
Hekk sostna l-President Amerikan Joe Biden f’indirizz lin-nazzjon mill-White House.
Fl-ewwel indirizz pubbliku wara l-aħħar żviluppi fl-Afganistan, fejn il-militanti Talibani ħatfu l-pajjiż f’kemm trodd salib, Biden mhux biss iddefenda d-deċiżjoni li ħa li jirtira t-truppi Amerikani mill-Afganistan iżda saħaq li s-suldati Amerikani ma għandhomx imutu fi gwerra li lanqas il-forzi Afgani ma riedu jiġġieldu.
Hawn semma kif il-forzi Afgani mħarrġa mill-Amerikani rtiraw u ħallew il-militanti Talibani javvanzaw u jieħdu belt wara oħra.
“It-Talibani lanqas qawwiet tal-ajru m’għandhom”, saħaq Biden f’Washington.
Quddiem kritika għad-deċiżjoni li jirtira t-truppi Amerikani fl-Afganistan, deċiżjoni li waslet biex it-Talibani ħadu l-kontroll tal-pajjiż bla reżistenza ta’ xejn, Biden fakkar fil-ftehim li għamel il-predeċessur tiegħu Donald Trump, li s-suldati Amerikani jitilqu mill-Afganistan sal-1 ta’ Mejju li ġej.
Qal li l-pajjiżi rivali tal-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja jogħrku idejhom jaraw il-Gvern Amerikan jonfoq flus fil-vojt fl-Afganistan.
“Xogħli nikkonċentra fuq it-theddid tal-lum u mhux tal-bieraħ”, irrimarka l-President Amerikan li spjega kif għoxrin sena ilu, meta l-qawwiet Amerikani marru l-Afganistan, huma riedu jeliminaw kull theddida terroristika li sabet art fertili fl-Afganistan.
Hawn fakkar li l-Amerka baqgħet sal-aħħar sakemm qabdet u ħelset minn Osama Bin Laden u eliminat it-theddida tal-Al-Qaeda.
“Qatt ma kien il-ħsieb li nibnu pajjiż”, fakkar Biden li semma wkoll kif ma seta’ jkun hemm l-ebda żmien opportun biex l-Amerka tneħħi l-preżenza militari mill-Afganistan iżda l-Amerka ma setgħetx tibqa’ ssostni operat li sewa triljuni ta’ dollari.
“Ma stajtx ngħaddi din il-problema tal-Afganistan f’ħoġor il-ħames President konsekuttiv”, qal Joe Biden.
Huwa ta elenku wkoll ta’ dak li qed jagħmlu l-forzi Amerikani fl-ajruport ta’ Kabul biex jevakwaw ċittadini Amerikani u oħrajn li ħadmu għall-Istati Uniti fl-Afganistan.