Fl-operazzjoni ta’ salvataġġ fil-baħar imqalleb f’Tas-Sliema, tal-Erbgħa filgħaxija kien hemm involut ukoll Joseph Zammit.
Zammit ilu kważi tletin sena jaħdemmad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien fil-baħar flimkien ma’ Shaun Meli, li salva liż-żagħżugħ Ċiniż mill-għarqa.
Fuq il-programm ONE Breakfast, Zammit spjega kif saret il-ħidma ta’ salvtaġġ f’dan il-każ partikolari.
Zammit qal li huwa niżel il-baħar marbut b’ħabel u żewġ kollegi tiegħu baqgħu l-art biex ikunu jistgħu jassistuh minn hemm.
Tenna li fuq il-fuq il-post kien hemm ukoll membri tal-Pulizija, tim mediku, u membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Fisser li kif irnexxielu jasal fejn il-persuni li kienu qed jegħrqu u jsalvahom, il-kollegi tiegħu bdew itellgħuh bil-ħabel.
Qal li għal bidu huwa kien mgħarraf li hemm persuna waħda biss li kienet fil-baħar, iżda fuq il-post sab żewġ persuni, għaliex wieħed minnhom niżel biex jgħin lill-ieħor, imma hu stess sab ruħu fid-diffikultà.
Dan ittella’ l-art minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Huwa qal li f’xogħlu huwa importanti li wieħed jibqa’ ffukkat u janalizza sew is-sitwazzjoni li jkollu quddiemu, imma fl-istess ħin ikollu l-ħeffa.
F’din l-intervista, Joseph stqarr li ġieli kien hemm persuni li ġew salvati minn membri tal-Protezzjoni Ċivili, li marru jfittxuhom biex jirringrazzjawhom.
Joseph appella biex il-pubbliku mhux biss jikkoppera mal-membri tal-Protezzjoni Ċivili, imma biex aktar nies jingħaqdu ma’ dan id-Dipartiment.
Ara wkoll: