Tliett irġiel baqgħu jinżammu arrestati wara li dalgħodu tressqu l-qorti akkużati li kellhom x’jaqsmu ma’ traffikar aggravat ta’ droga.
Joseph Borg ta’ 47 sena, Jason Micallef ta’ 24 sena u s-Serb Mark Acimovic ta’ 40 sena ġew arrestati lbieraħ, fejn fuqhom instabulhom seba’ kilos ħaxixa tal-Kannabis flimkien ma’ ammont ta’ trab abjad suspettat droga kokajina lesta biex tiġi traffikata.
L-ewwel tnejn ġew mixlija li kisru l-kundizzjonijiet tal-Qorti, b’Micallef jiġi akkużat ukoll li kkommetta reat waqt is-sentenza sospiża.
Iżda għalkemm dawn it-tnejn wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, l-avukati difensuri ma’ talbux għall-ħelsien mill-arrest.
Fuq talba mill-prosekuzzjoni l-Qorti ffriżat l-assi tal-akkużati u talbet lid-Direttur tal-ħabs sabiex jisma’ kwalunkwe problema li dawn jista’ jkollhom ġewwa l-Faċilità Korretiva ta’ Kordin.
Min-naħħa l-oħra s-Serb ukoll baqa’ jinżamm arrestat b’rabta mas-sejba tad-droga kokaina u li pprova jeqred l-evidenza.
L-avukat difensur tas-Serb, Joe Brincat, talab għall-ħelsien mill-arrest fejn saħaq li l-mara tal-akkużat hija tqila b’tewmin u li għandhom tarbija żgħira.
Iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan minħabba l-gravità tar-reat.
Għalkemm wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, il-Qorti xorta waħda żammitu arrestat.