Wara li fl-aħħar jiem il-Parlament kien iddominat mir-riforma dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, bosta persuni li jikkunsmaw il-kannabis għal skop rikreattiv raw dan il-pass kruċjali sabiex ikunu jistgħu ikomplu ħajjithom mingħajr ma jmissu mad-dinja kriminali.
Fosthom kien hemm żagħżugħ, li xtaq jibqa’ anonimu, li spjega ma’ ONE News li nnota kif minkejja li pajjiżna qiegħed jagħmel pass importanti rigward il-kannabis, xorta waħda jeżistu ideat żbaljati dwar din il-pjanta.
Huwa spjega li minkejja li jagħmel użu mill-kannabis, xorta waħda għandu rasu fuq għonqu.
Qal, “Jien peress li jien student u naħdem, l-ewwel nagħti prijorità lill-iskola u wara lix-xogħol. It-tipjip tiegħi ma nħallihx jitħallat mal-iskola u lanqas max-xogħol. Dak għall-ħin liberu tiegħi biss.”
Iż-żagħżugħ irrakkonta magħna l-esperjenza sfortunata tiegħu, ta’ meta ġie trattat bħala kriminal minħabba li għażel li jpejjep joint.
Spjega, “Dak kont inzertajt qiegħed barra jien, u kont qed nipprepara biex inrembel joint, imbagħad out of nowhere ġew tliet Pulizija pajżana u qabduni fil-proċess. Ftit wara fittxewli, ħaduni d-depot, u peress li kien għal xid-disgħa, d-disgħa u nofs ta’ bil-lejl ma kien hemm ħadd biex jinterrogawni u allura spiċċajt qattajt lejl rieqed id-depot biex jinterrogawni l-għada filgħodu”
Dan iż-żagħżugħ li spiċċa nżamm għal-lejl sħiħ id-depot fuq inqas minn gramm kannabis huwa wieħed minn bosta Maltin, li għalihom ir-riforma fil-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis tfisser li nies bħalu jkunu jistgħu ikomplu jgħixu ħajjithom, mingħajr il-biża’ li jaffaċjaw kastig disproporzjonat.
Fost l-oħrajn huwa laqa’ l-fatt li se jkun jista’ jixtri l-kannabis minn sors legali u regolat, u laqa’ wkoll li minkejja l-bidla radikali, xorta waħda se jkun hemm kontroll fis-suq.
Qal, “Jien nemmen li hemm bżonn bidla f’din il-liġi, naqbel li jkun hawn ċertu kontrolli u miżuri, imma ħerqan għall-bidla.”