Ġuvni ta’ tnejn u għoxrin sena baqa’ miżmum arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li ħebb għall-pulizija, ma segwiex l-ordnijiet tagħhom kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-liberta’ proviżorja li kienu għadhom kif ingħatawlu f’Jannar illi għadda.
Matul il-lejl li għadda, Luke Vella instab mill-pulizija għall-ħabta tal-erbgħa ta’ filgħodu fi stabiliment tad-divertiment f’Paceville.
Dan minkejja li f’każ separat ġie ordnat mill-Qorti biex ma jersaq lejn l-ebda stabiliment f’Paceville kif ukoll sabiex ikun f’daru bejn is-siegħa u s-sitta ta’ filgħodu.
Malli uffiċjal tal-pulizija avviċina lil Luke Vella, dan allegatament kien aggressiv fil-konfront tiegħu bil-konsegwenza li ħebb għalih.