Ġuvni nżamm arrestat wara li wieġeb li mhux ħati li aggredixxa u weġġa’ gravi lil tfajla u waqt li kienet qed tieħu l-kura, heddidha permezz ta’ messaġġi.
Huwa ġie mixli wkoll li b’hekk kiser kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.
Fil-Qorti ġie spjegat li, dakinhar tal-allegat reat, il-vittma għamlet rapport mal-Pulizija u li allegatament kellha tbenġil u marki tal-gdim.
Intqal ukoll li huwa ġie arrestat meta mar jiffirma f’għassa skont kundizzjoni imposta fuqu mill-Qorti inqas minn xahar ilu.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni opponiet filwaqt li nnutat li ftit ġimgħat ilu kien il-Qorti minħabba każ ieħor.
Il-Qorti ċaħdet it-talba u ordnat li isem l-akkużat ma jixxandarx fil-midja. Ordnat ukoll li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegata vittma.