B’investiment ta’ €1.3 miljun ġie inawgurat proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali ġdid f’Ħal Kirkop.
Dan l-investiment ġie inawgurat mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, li qal li dan il-proġett se jilqa’ fih tmien familji, li għaddew mill-proċess tal-applikazzjoni u verifiki u skont l-istrateġija ta’ allokazzjoni li ġiet imnedija fl-2021.
Il-Ministru Galdes qal li dan il-proġett huwa parti minn rivoluzzjoni soċjali f’dan is-settur li bdiet fl-aħħar snin sabiex tkun assigurata kwalità ta’ ħajja aħjar.
Huwa sostna li saqaf adegwat u diċenti huwa dritt li l-Gvern se jkun qed ikompli jaħdem qatigħ biex mhux jintlaħaq iżda jissaħħaħ.
“Dan huwa proġett mibni mill-Gvern, proġett li wkoll qiegħed jara appartamenti ta’ akkomodazzjoni u l-istock tal-awtorita jissaħħaħ, biex b’hekk ngħinu aktar nies vulnerabbli, in-nies li għandhom bżonn l-għajnuna soċjali tagħna.”
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm, fost l-oħrajn, is-Sindku ta’ Ħal Kirkop, Terence Agius.

