Investituri barranin li kienu mistennija jinvestu f’pajjiżna għad għandhom interess qawwi sabiex jiġu jinvestu f’Malta, la darba tgħaddi l-imxija tal-coronavirus li laqtet lid-dinja kollha.
Iddikjara dan fuq il-programm Pjazza mxandar fuq ONE, l-ekonomista tal-Malta Enterprise Brian Camilleri.
Is-Sur Camilleri spjega: “Qed nżommu l-kuntatt tan-nies li ħa jinvestu jew li konna wasalna fi stadju avvanzat magħhom biex nsegwu l-programm jekk hux ħa jkomplu jinvestu. L-ewwel informazzjoni li iva Malta li għadha fuq ir-radar tagħhom u ħa jkomplu għaddejjin.”
Bl-investituri barranin xeħtu ħarsithom fuq il-pakkett finanzjarju li ħabbar l-Gvern għan-negozji u intrapriżi f’mument ta’ sfida, Brian Camilleri spjega kif dan il-pakkett b’saħħtu t’għajnuna huwa għodda oħra biex jiġi attirat l-investiment wara li jgħaddi l-għawġ dinji minħabba l-Coronavirus.
Is-Sur Camilleri sostna: “Jiġifieri l-kapaċità li qed juri l-gvern biex jiddealja ma’ din is-sitwazzjoni hawn Malta għandha tkun bħala uniques selling preposition għalina għal hawn Malta. Li nuru li aħna kompetenti anki meta niltaqgħu ma’ affarijiet li qatt ma ltqajna magħhom qabel.”
Bħalissa l-Malta Enterprise għaddejja b’ħidma sabiex filwaqt li tgħin lin-negozju f’dan il-mument, tħejji ruħha biex la darba r-rota terġa’ tibda ddur, pajjiżna jaqbad ir-ritmu ekonomiku li qabad f’dawn l-aħħar snin.
Is-Sur Camilleri sostna: “Din hija xi ħaġa temporanja li ħa tgħaddi u meta tgħaddi rridu nkunu ċerti li riżorsi li għandna bżonn ikunu hawnhekk biex noħorġu b’saħħitna u l-ekonomija tagħhna terġa tirpilja.”