B’investiment sostenibbli ta’ ‘l fuq minn ħames miljun ewro, il-kumpanijia MCL, f’Bulebel investiet biex barra li timxi mal-obbligi mandatorji b’rabta mas-sostenibbiltà, qed taħdem bi sħiħ sabiex tkun qed tnaqqas l-iskart li tipproduċi u b’hekk l-impatt tal-kumpanija fuq l-ambjent ikun mill-inqas.
MCL qed tipproduċi prodotti li jistgħu jerġgħu jintużaw u wara jerġgħu jiddisinjaw prodotti u jaħdmuhom f’pajjiżna, li jistgħu jiġu rriċiklati u ffabrikati fi prodotti oħrajn f’setturi f’pajjiżna stess.
Qal, “Prodotti tal-ikel, bħal yogurts, bħal prodotti li jintużaw għat-take aways. Jekk il-konsumatur,dak il-prodott jarmih tajjeb, aħna qed naħdmu biex dak il-prodott inġibuh lura fil-fabbrika tagħna u mill-materjal li nirriċiklaw minnu, inkunu nistgħu nimmanifaturaw prodott ieħor. Idealment il-konsumatur jaħsel dak il-prodott għax jagħmlu ħafna iktar faċli u l-impatt fuq l-ambjent ikun ħafna inqas.”
Minn kontenituri tal-ikel tal-plastik sa kaxxi tal-birra li jkunu jgħaddu minn proċess sabiex ikunu rriċiklati u jinħolqu kontenituri tal-plastik oħrajn, mal-propjetarju ta’ MCL tkellimna wkoll dwar ir-raġuni li l-kumpanija ħasbet biex tagħmel l-investiment.
Stqarr, “Aħna bħala kumpanija emmina li għall-diversi raġunijiet il-plastik huwa materjal li huwa faċli biex tirriċiklah għal raġunijiet li semmejt bħad-dawl, ilma u l-possibiltà li terġa’ tagħmel prodotti oħra minnu. Rajna l-potenzjal li Malta nistgħu niżviluppaw prodotti mill-plastik li nistgħu nimmanifaturaw għas-suq lokali u meta toħloq ċirku li timmanifattura prodotti li jistgħu jiġu rriċiklati u timmaniffatura prodotti oħra mir-riċiklaġġ nistgħu nagħmlu ċirku f’Malta li ftit li xejn tiddependi mill-importazzjoni u l-esportazzjoni.”
Mill-14 t’ April li għadda daħlet fis-seħħ liġi dwar is-separazzjoni tal-iskart b’mod mandatorju għal kulħadd inkluż ukoll kumpaniji kummerċjali. Is-Sur Satariano spjegalna eżatt ix-xogħol tal-kumpanija tiegħu b’rabta mar-riċiklaġġ.
Saħaq, “Bħala waste, bħala kumpanija m’għandna xejn. Nisseparaw il-waste kollu. Minn batteriji, ħadid, ħġieġ, plastik, karta. Il-waste fil-production tagħna stess huwa żero, jiġi użat kollu u qed immorru oltre minn hekk. Għandna l-magni kollha biex nirriċiklaw il-plastik fil-kumpanija stess. Il-pass li jmiss huwa li nfittxu li nġibu lura l-prodotti li nitfgħu fis-suq, nirriċiklawhom u nagħmluhom fi prodotti oħra.”