B’investiment ta’ nofs miljun ewro, se jiġi rijabilitat Wied Għollieqa fil-Kappara, proġett li se jsir b’kollaborazzjoni bejn Transport Malta u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
F’konferenza tal-aħbarjiet fuq is-sit intqal kif għal snin din iż-żona tħalliet f’telqa, u għalhekk, meta l-Gvern wiegħed u wettaq il-proġett tal-Kappara Junction, issa kien imiss ir-rijabilitazzjoni ta’ dan il-wied.
Il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg sostna li dan il-proġett juri l-impenn tal-Gvern li jirriġenera żoni mitluqa, u ta rendikont tax-xogħolijiet li se jsiru f’dan il-wied. Magħna spjega li “x-xogħolijiet se jinkludi l-kostruzzjoni u l-konservazzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ, u taħt is-superviżjoni tal-ERA se jitneħħew l-ispeċi invażivi u jitħawlu iktar minn ħamest elef u ħames mitt siġra u arbuxell indiġeni. Minnu nnifsu jkun spazju li jista’ jitgawda minn dawk li jogħġobhom dan l-ispazju naturali.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia, tenna li dan il-proġett huwa wieħed bżonnjuż, hekk kif il-wied huwa żona ta’ konċentrazzjoni kbira ta’ flora u fawna. Hu spjega li “dan il-wied huwa żona ta’ konservazzjoni, huwa santwarju tal-għasafar, kif ukoll żona speċjali għall-ekoloġija tal-pajjiż.”
Il-Manager ta’ dan is-sit inkarigata min-Nature Trust, sostniet li Wied Għollieqa huwa d-dar naturali ta’ bosta speċi protetti. Tamsin Caruana qalet li filfatt “għandna ħafna mammiferi ukoll u xi nies raw il-ballottra hawn. Għall-għasafar ovvjament huwa importanti għax huwa magħżul bħala santwarju tal-għasafar, u hawn għasafar bħall-pitiross u l-merill li huwa l-għasfur Nazzjonali tagħna.”