Ġew imqassma miljun u ħamsa u sittin elf ewro lil mija u għoxrin assoċjazzjoni u għaqdiet sportivi, biex l-atleti u sportivi jkunu jistgħu jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet u impenji internazzjonali.
Dan ġie mħabbar fl-għeluq tal-Konferenza ta’ SportMalta “Celebrating Sport in Malta 2024”.
Permezz ta’ din l-għajnuna, l-assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi jkunu f’pożizzjoni aħjar biex l-atleti sportivi fid-diversi dixxiplini sportivi li jirrappreżentaw, ikunu jistgħu jieħdu sehem u wkoll jipparteċipaw f’avvenimenti sportivi internazzjonali
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar qal li l-entità għandha diversi inizjattivi u skemi li permezz tagħhom dan is-settur qed jingħata għajnuna u enfasizza li din il-ħidma se tkompli titkattar fis-snin li ġejjin.
“Kienu 120 li applikaw, li huwa numru ferm ikbar mis-sena li għaddiet. Dan ifisser li hemm il-popolarità ta’ dawn iż-żewġ skemi li ħarġu, l-iskema tal-international participation, fjen ninkoraġixxu iktar nies jipparteċ ipaw barra minn xtutna, u l-iskema tal-bed nights tourism scheme biex inħeġġu aktar assoċjazzjonijiet iġibu attivitajiet f’Malta.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li l-Gvern huwa kommess li jkompli jkabbar is-settur sportiv, b’ħidma li twassal biex l-assoċjazzjoniet u l-għaqdiet sportivi jkomplu jkunu proattivi, u l-atleti u l-isportivi jkunu jistgħu jipprattika id-dixxiplina sportiva tagħhom, f’fora internazzjonali.
“B’dan il-fondi, Sport Malta qed tagħti iktar riżorsi lil dawn l-għaqdiet biex ikomplu jinvestu fl-infrastrutura tagħhom, jinvestu fl-atleti tagħhom, anke f’dak li hija l-parteċipazzjoni internazzjonali sabiex dejjem naraw li settur sportiv ġewwa pajjiżna ikompli jevolvi, jespandi u fuq kollox jibqa jitla ‘il fuq f’dik li hija l-agenda nazzjonali ta’ pajjiżna.”
Il-Ministru temm jgħid li l-Gvern se jkompli jżid it-turiżmu sportiv lejn Malta, u ħeġġeġ lill-għaqdiet sportivi biex ikomplu jorganizzaw avvenimenti internazzjonali.