Id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali lesta xogħlijiet estensivi ta’ restawr fuq is-sur bejn il-Bastjun ta’ San Ġwann t’Għuxa u dak ta’ Santa Liena, bħala parti mill-fortifikazzjoni ta’ Santa Margerita f’Bormla.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr saru tul 320 metru ta’ fortifikazzjonijiet u inkludew ukoll id-daħla storika tal-Bieb ta’ Santa Liena.
Dawn ix-xogħlijiet, li bdew f’April tas-sena l-oħra, ġew konklużi grazzi għal investiment ta’ 1.2 miljun ewro mill-Gvern fil-ħidma tiegħu biex jippriserva siti storiċi simili li jagħmlu din il-belt u l-madwar uniċi fid-dehra tagħhom.
It-tlestija tal-proġett tħabbar mill-Ministru responsabbli Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, waqt żjara fuq il-post.
Il-Perit Stephen Pulis, li kien responsabbli minn dan l-proġett, ta ħarsa lejn dak li sar fuq dan l-wirt storiku li jmur lura għas-Seklu Tmintax.
“Bdilna l-ġebel fejn kien hemm id-deterjorament fejn ma stajniex nagħmlu mod ieħor biex assolutament insalvawh dan il-ġebel, naddafna, neħħejna s-swidija, il-black crust, il-ħmieġ li jeħel mal-faċċati. Irrestawrajna anke in-naħa ta’ fuq tal-Bieb ta’ Santa Liena.”
Il-Ministru enfasizza l-importanza li jiġu mħarsa siti simili, bħala parti mill-wirt storiku bħal dan, biex ikun jista’ jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.
Qal li dan hu biss proġett wieħed minn kullana li qed jitwettqu mill-Gvern u dan l-investiment qed isaħħaħ l-esperjenza kulturali kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti, parti mill-viżjoni ċara amministrattiva għal din l-parti ta’ pajjiżna.
“Aħna kburin b’dan l-investiment li qed nagħmlu, għax aħna l-Kottonera rriduha tkompli timxi ’l quddiem u tkompli tisbieħ.”
Fil-kummenti tagħha, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli enfasizzat dwar il-kollaborazzjoni kruċjali, li kienet meħtieġa bejn il-kunsill lokali u l-Gvern, anke f’dan il-proġett.
“Qed nagħtu s-saħħa u l-vuċi lill-kunsilli lokali biex l-irkejjen, li għandhom bżonn restawr, ikomplu jressquhom ’il quddiem ħalli, imbagħad, il-Ministeru jkompli jagħmel dan ix-xogħol u jkollna lokalitajiet isbaħ u aħjar.”
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni tal-proġett kien hemm ukoll is-Sindku ta’ Bormla, Marco Agius, li rringrazzja lil kull min kien involut f’dan ir-restawr, li ta dehra ferm aħjar lil din id-daħla storika.