L-artisti Claire Farrugia u Alex Weenink se jibdew vjaġġ kreattiv ġdid minn dan ix-xahar wara li ntagħżlu għall-ewwel programm ta’ residenza wara ftehim bejn is-Soċjetà Maltija tal-Arti u l-Kunsill Malti għall-Arti, b’investiment ta’ €65,000.
Waqt li Farrugia tispeċjalizza fl-arti viżiva, Weenink jiffoka fuq l-arti performattiva.
Il-vjaġġ kreattiv tagħhom se jintemm f’Diċembru ta’ din is-sena u matulu qed jiġu offruti pjattaforma unika fejn jesploraw, joħolqu u jikkontribwixxu għall-pajsaġġ rikk artistiku Malti, taħt il-gwida u l-konsulenza ta’ professjonisti t’esperjenza fl-oqsma rispettivi tagħhom.
Din il-kollaborazzjoni taċċenna fuq l-impenn tal-Kunsill u tas-Soċjetà Maltija tal-Arti li jrawmu ambjent li jinkoraġġixxi innovazzjoni u tkabbir artistiku.
Il-programm ta’ residenza hu ddisinjat biex jappoġġja lill-artisti fl-iżvilupp professjonali tagħhom, filwaqt li jtejjeb it-tessut kulturali u kreattiv ta’ Malta.