Fl-aħħar snin ir-rati ta’ imgħaxx fuq kontijiet bankarji fissi niżlu sew u dan kien qed iwassal għal tnaqqis drastiku fid-dħul addizzjonali lill-pensjonanti seta’ kellhom mill-interessi ta’ flushom.
Kien għalhekk li fil-Baġit ta’ din is-sena l-Gvern kien ħabbar miżura li permezz tagħha jinħareġ ‘Bond’, b’ rata ta’ imgħaxx aħjar minn dik tas-suq immiratti biss għall-pensjonanti, dan sabiex itejbu d-dħul tagħhhom.
Propju llum il-Minsitru għall-Finanzi Edward Scicluna nieda l-Bond imsejjaħ ‘62+ Government Savings Bond’. Dawn se jkunu qed jinħarġu fl-4 ta’ Settembru li ġej fejn wieħed jista’ japplika diment li jkun għalaq jew ser jagħlaq it-62 sena din is-sena, jiġifieri jkun twieled fis-sena 1955 jew fis-snin ta’ qabel.
Dan il-‘Bond’ se jkollu ħames snin maturità bi 3% imgħaxx fis-sena li jitħallas darbtejn fis-sena.
Kull investitur jista’ jinvesti massimu ta’ għaxart elef ewro b’minimu ta’ ħames mitt ewro kull persuna, u ma jistax jinxtara bejn żewġ jew aktar persuni.
Il-‘Bond’ ma’ jistax jiġi mifdi qabel id-data tal-maturità diment li ma jkunx hemm evidenza dokumentata ta’ raġunijiet serji mediċi, u jekk dan isir, wieħed irid iħallas ekwivalenti ta’ disgħin jum ta’ interessi.
Is-‘62+ Government Bond’ ma jistax jinxtara jew jinżamm f’isem ħaddieħor u ma jistax jingħata bħala ‘pledge’, jiġifieri tpartit jew ħlas lura u kif ukoll ma’ jistax jerġa’ jinbiegħ.
Sabiex jista’ jinħareġ dan it-tip ta’ ‘Bond’ b’ rati attrajenti indirizzati apposta għall-bżonnijiet tal-pensjonanti, kellha tinbidel il-liġi dwar il-‘Bills’ tat-Teżor ta’ Malta.