F’pajjiżna ilhom ma jidħlu immigranti mill-baħar għal dawn l-aħħar għoxrin xahar. Fil-fatt kien proprju f’Jannar tal-2015 meta grupp t’immigranti żbarkaw fi xtutna, b’tama ta’ refuġju fil-gżejjer Maltin.
Fakkar dan il-Kap tas-Servizzi tad-Detenzjoni, Mario Schembri, f’kummenti esklussivi ma’ ONE News, fejn spjega kif minkejja n-nuqqas ta’ migranti mill-baħar, ħidmet it-taqsima ma waqfitx.
Dan b’mod partikolari għaliex l-immigranti ma jiġux biss mill-baħar, tant li kif spjega Schembri, hemm uħud li jkunu f’pajjiżna legalment qabel ma jinbidel l-istatus tagħhom.
Mario Schembri żied li x-xhur kwieti f’termini ta’ migrazzjoni minn Jannar 2015 ‘l hawn servew t’opportunità biex isir rinovar importanti fiċ-ċentru ta’ Ħal Safi. Fl-istess waqt, l-uffiċjali tad-detenzjoni qed iservu bħala għassiesa fiċ-ċentri miftuħa, li minkejja n-natura libera tagħhom jirrikjedu għassa erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Fuq kollox, fl-aħħar xhur l-uffiċjali ngħataw taħriġ speċjalizzat f’diversi oqsma relatati.
Apparti l-aspett tekniku, fl-aħħar xhur ingħata wkoll taħriġ mil-lat uman, biex l-uffiċjali jkunu preparati bl-aqwa prattiċi ta’ kif jiġu trattati l-migranti, waqt li jitkattar l-għarfien dwar il-kulturi diversi u l-isfidi li dawn jimponu.
Lil’hinn minn dan, Mario Schembri spjega li l-motivazzjoni fi ħdan is-servizzi tad-detenzjoni kompliet togħla hekk kif l-uffiċjali ingħataw id-dinjità li tixirqilhom, bil-kundizzjonijiet tax-xogħol jitjiebu drastikament.
Dan grazzi għal ftehim milħuq bejn il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, u l-General Workers Union, biex wara snin minsija u f’qagħda prekarja, saret ġustizzja mal-uffiċjali tad-detenzjoni.