L-Aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta qed timplimenta proġett ta’ żewġ miljun ewro li jipprovdi soluzzjoni infrastrutturali u jnaqqas l-erożjoni kostali kkawżata mill-elementi fiż-żona tal-Magħluq fil-Port ta’ Marsaxlokk.
Il-Ministeru għall-Infrastruttura qal li b’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u s-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali, Infrastruttura Malta qed tifforma żewġ strutturi temporanji li joħorġu madwar sebgħin metru b’mod perpendikulari max-xatt.
Il-Perit Janice Borg tal-proġett spjegat kif iż-żona kellha diversi nuqqasijiet li l-proġetti issa se jindirizzaw.
Hija spjegat: “Fosthom se jinbnew żewġ strutturi minn żonqor u se jitoġġa mal-kosta biex iżomm ir-ramel milli jkompli miexi bil-kurrenti u milli jaqbeż għal ġol-menqa. Hekk intaffu dawn il-problemi. Se jinbena wkoll ħajt baxx ma’ parti mill-menqa.”
B’dan il-proġett, Infrastruttura Malta qed tgħolli wkoll partijiet mill-mollijiet tal-marina, biex ittejjeb is-sigurtà tagħhom. Il-proġett se jaħsbu wkoll biex jgħaddu servizzi tal-ilma u elettriku minn taħt l-art.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg fakkar ukoll li bħalissa għaddejjin bosta proġetti fl-Infrastruttura marittima tal-pajjiż. Fakkar ukoll kemm din iż-żona partikolari hija frekwentata minn Maltin u anke turisti.
Huwa stqarr: “Għaldaqstant b’dan il-mod naraw li jkun hemm aktar retention tar-ramel u dak jiffranka xogħol ta’ kull sena li kien ikollu jsir biex nirkrupraw biċċiet tal-bajja.”
Is-Sindku tal-lokalità Steven Grech spjega wkoll li r-ramel li kien jinġarr bil-kurrent kien fost l-aktar elementi li kien qed iħasseb lil min jiffrekwenta l-inħawi.
Grech qal, “U b’dawn iż-żewġ proġetti li għamilna se nilqgħu dak ir-ramel milli jidħol ‘l hemm wara.”
Kien spjegat ukoll li se jsiru wkoll studji biex tiġi evalwata l-effettività ta’ dawn l-interventi u biex jiġu ddisinjati u ppjanati strutturi li jdumu aktar u jkomplu jagħtu kenn lil din iż-żona.