B’investiment ta’ nofs miljun ewro nbidlet is-sistema tal-informatika kollha tal-Qrati Maltin. Bil-għan li s-servizz tal-ġustizzja jkun wieħed aktar effiċjenti.
Dan sar sabiex it-tliet binjiet tal-qorti, dik prinċipali fi Triq ir-Reppublika, tal-Familja u ta’ Sir Thomas Moore fi Strada Stretta issa ingħaqdu flimkien. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Direttur Ġenerali tal-Qorti s-Sur Frankie Mercieca, l-Ministru Owen Bonnici u l-Prim Imħallef Joe Azzopardi.
Intqal kif f’dan il-proġett intużaw 122 kilometru ta’ wajers, 2,500 plakka u kif ukoll aktar minn 12,000 siegħa ta’ xogħol. Id-Direttur Ġenerali Frankie Mercieca, spjega l-bżonn li s-sistema tal-informattika tiġi aġġornata, u kif ukoll l-installazzjoni ta’ 250 kompjuter ġdid:
“Kien ġie deċiż li n-network kollhu tal-Qorti bit-tlett binjiet f’sistema ġdida, bdejna l-‘cabiling’ ta’ taħt l-art biex għaddejnihom u dħalna f’kull uffiċju li għandna fit-tlett binjiet tal-qorti.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici spjega kif dan il-proġett hu parti minn kantina ta’ proġetti fil-qrati ta’ Malta. Proġetti li l-għan tagħhom hi li tiffaċilita’ l-ħidma għall-ġudikatura u l-avukati, u fl-aħħar jibbenefika l-pubbliku:
“Inkunu nistgħu nibnu servizzi oħra ta’ nformatika mal-ħafna li għandna sabiex is-servizz ikun veloċi, effiċjenti u jkun b’saħħtu ħafna. Illum smajna kif il-Prim Imħallef ikkonferma li sistema tal-informatika tajba hi meħtieġa għal sistemma ta’ ġustizzja effiċjenti.”
Dwar il-ħatra ta’ ġudikanti ġodda, anke fid-dawl ta’ rapporti li dehru fil-midja, l-Ministru Bonnici qal li f’dan l-istadju la jikkonferma u anqas jiċħad. Dan għax ġudikant irrid jgħaddi mill-iskrutinju ta’ kumitat tal-ħatra tal-ġudikanti li fuqhu l-Gvern ma għandu l-ebda seta’.
Intant, il-Prim Imħallef Joe Azzopardi qal li l-ġudikattura tirrikonoxxi dawn il-proġetti. Huwa qal li t-teknoloġija saret xi ħaġa importanti fid-dinja tal-lum. Qal li jara d-differenza fil-karriera ta’ erbgħin sena karriera fil-professjoni legali u dik tal-ġudikatura, fejn qabel avukat kien itertaq qalbu biex issib sempliċi data, u llum jista jaċċessa kollox mill-uffiċċju tiegħu.