Il-Gvern ħabbar li kkommetta aktar minn nofs miljun ewro permezz tal-Awtorità tal-Ippjanar għal tliet kunsilli lokali f’Għawdex biex iwettqu proġetti ta’ titjib urban fil-lokalitajiet tagħhom.
Dan tħabbar f’konferenza konġunta bejn il-Ministeru għall-Ambjent u l-Ministeru għal Għawdex waqt żjara f’wieħed minn dawn is-siti.
Il-proġetti li se jgawdu minn dan l-investiment jinkludu l-konverżjoni tad-dawl tat-toroq fi Pjazza San Ġorġ u għadd ta’ sqaqien dojoq fir-Rabat b’sistema ġdida ta’ dawl b’enerġija effiċjenti, it-titjib ta’ tagħmir, pavimentar, u dawl ta’ playing field fiż-Żebbuġ u lampi ġodda li huma b’enerġija effiċjenti fil-Belveder Ta’ Qaċċa fix-Xagħra.
Iċ-Chairperson tal-Fond għall-Ippjanar u l-Iżvilupp, il-Perit Vincent Cassar appella wkoll għal inizjattivi u proġetti ħodor li mhux biss jirċievu 100% tal-finanzjament iżda jirċievu 5% għall-manteniment tagħhom.
Qal, “Fejn wieħed jista’ jdaħħal green walls allura jew blue and green initiatives fil-lokalitajiet dawk il-100%, jiżdiedu b’5% oħra biex allura jkun hemm iżjed flus li qegħdin disponibbli.”
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega li dan il-finanzjament sar permezz ta’ tibdil li sar fid-Development Planning Fund.
Spjega, “Dan kollu qed isir biex nimmitigaw l-urbanizzazzjoni fil-pajjiż imma wkoll noffru prodott b’valur miżjud ġewwa l-gżira Għawdxija.”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri sostna li l-ambjent urban f’Għawdex permezz ta’ dawn il-proġett se jittejjeb.
Qal, “Ser inkunu qed naraw l-input dirett tal-Awtorità tal-Ippjanar flimkien mal-Kunsilli Lokali b’investiment dirett għaż-żoni urbani tagħna. Żoni fl-aħħar mill-aħħar fejn jgħixu u jgawdu ċ-ċittadini tagħna.”
Matul is-sentejn li għaddew, l-Awtorità tat €161,000 oħra lil-lokalitajiet tas-Sannat u n-Nadur. Dawn il-fondi għenu finanzjarjament fl-implimentazzjoni ta’ numru sostanzjali ta’ proġetti li llum qed jikkontribwixxu b’mod pożittiv lejn kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti tagħhom.