Ġiet inawgurata l-mitħna tax-Xewkija li ġiet irrestawrata minn ġewwa u barra b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro. Dan l-investiment, li parti sostanzjali minnu ġew minn fondi Ewropej, assigura li l-mitħna jkollha wkoll faċilitajiet sanitarji ġodda, filwaqt li tiġi mħarsa l-istruttura tal-binja.
Issa din se tintuża bħala ċentru ta’ attivitajiet folkloristiċi, u min iżurha jkun jista’ jara żfin u daqq tradizzjonali u anka jitgħallem aktar fuq kif kienu jgħixu l-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi li proġett bħal dan ikompli jsaħħaħ il-wirt kulturali Għawdxi sabiex il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jkunu jistgħu japprezzaw dak li ħallewlna dawk li ġew qabilna.
Huwa qal, “Dan il-proġett ingħata aktar minn mitejn u sittin elf ewro mill-Unjoni Ewropea li żgur li servew biex intlaħqu miri mill-aktar importanti, sar xogħol b’sengħa u arti kbira u li żgur li se tkun waħda mill-isbaħ attrazzjonijiet f’Għawdex.”
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri spjega li dan mhuwiex l-unika proġett tat-tip tiegħu li qed isir. Huwa semma wkoll il-Mużew ta’ Għawdex, li mistenni jkun ċentru fejn tista’ tiġi iktar apprezzata l-kultura u l-wirt Għawdxi
Huwa stqarr: “Bħalissa għaddejjin numru ta’ xogħlijiet relatati ma’ postijiet storiċi jew li jirrelataw b’mod dirett mal-kultura ta’ din il-gżira. ”