HSBC Malta investa qrib miljun ewro fuq proġetti ta’ konservazzjoni tal-ilma f’Malta, bħala parti mill-Programm Globali tal-Ilma tal-Grupp HSBC.
Il-biċċa l-kbira tal-investiment mar fil-kampanja tal-HSBC Malta – Catch the Drop, li ilha sa mill-2013 tiffinanzja proġetti relatati mal-ilma, toħloq kuxjenza fost is-soċjetà kollha, u tħeġġeġ is-sehem tal- pubbliku. Dan tħabbar waqt it-tnedija ta’ inizjattiva ġdida mill-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma, Joe Mizzi, fejn il-Catch the Drop, bl-appoġġ mill-HSBC, fetħet it-triq għall-programm ġdid immexxi mill-gvern li jismu LIFE.
Catch the Drop oriġinarjament kienet imfassla biex tkun parti mis-sistema edukattiva ta’ Malta u tispira lill-popolazzjoni ta’ 50,000 student tal-primarja u s-sekondarja, li mbagħad ġie estiż u nkluda istituzzjonijiet ta’edukazzjoni ogħla, kunsilli lokali u tan-negozju, il-gvern u NGOs, kif ukoll ta’ fora internazzjonali bħal CHOGM u l-Presidenza tal-UE.
Il-kampanja Catch the Drop kellha numru ta’ mumenti notevoli matul dawn il-ħames snin. L-ewwelnett, meta pproduċiet żewġ kanzunetti dwar l-ilma b’kollaborazzjoni internazzjonali: “Catch the Drop” u “Water is Life”, u l-kantanta ewlenija marret biex rebħet il-konkors tal-Junior Eurovision. Okkazjoni notevoli oħra kienet meta l-kampanja kienet mistiedna tindirizza lill-ministri tal-ambjent tal-UE28. Il-kampanja rebħet ukoll il-premju ‘Greening the Islands’.
Fil-qasam tal-pubblikazzjonijiet, il-kampanja appoġġjat il-produzzjoni ta’ għadd ta’ materjal, iżda l-iktar popolari kienet is-serje Harvey the Lifestyle Dog®, fejn 50,000 kopja tqassmu fl-Esplora, fl-Isptar Mater Dei, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u f’għexieren ta’ skejjel.
“L-immaniġjar tal-ilma minn dejjem kienet prijorità għolja fil-Gżejjer Maltin peress li nieqsin mill-ilma. L-edukazzjoni tibqa’ waħda mill-għodod l-iktar effettivi li għandna biex nilħqu lin-nies u niksbu riżultati tanġibbli. Ninsabu kuntenti li qed niċċelebraw l-impenn fit-tul tal-HSBC lejn il-ħolqien ta’ kampanji effettivi mmirati lejn użu sostenibbli ta’ dan ir-riżors prezzjuż. Fl-istess waqt, qegħdin inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu bix-xogħol kontinwu tagħna għall-ġejjieni,” qal il-Ministru Joe Mizzi.
HSBC Malta għadha kemm nediet programm ta’ €323,000 biex iħarreġ lill-impjegati tiegħu dwar il-problemi ta’ ilma u jwettaq l-installazzjoni ta’ 12-il stazzjon ta’ smart water fl-iskejjel. Minbarra dan il-programm ġdid, hemm l-isponsorship ta’ €60,600 tal-bank għall-programm globali “Water Explorer” introdott f’Malta f’Novembru 2017, filwaqt li l-finanzjament għall-kampanja Catch the Drop kien ta’ iktar minn €540,000.
“Il-fatt li Malta setgħet tattira kważi miljun ewro f’investiment fil-qasam biex irawwem kuxjenza dwar l-ambjent, ifisser appoġġ enormi għax-xogħol siewi li għamlu aktar minn 500 voluntier minn HSBC Malta, edukaturi u msieħba tal-programm, u l-parti l-kbira tas-soċjetà, li mingħajr ir-rispons tagħhom diversi kampanji u proġetti ma kienux jirnexxu,” qal Gordon Scicluna, Country Head Business Banking ta’ HSBC Malta.