B’investiment ta’ erbgħa punt sitta miljun ewro, fil-jum internazzjonali ddedikat għall-għalliema, ġew inawgurati sala-teatru u faċilitajiet sportivi ġodda fl-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija, fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas More.
Din l-iskola nbniet fis-snin disgħin, imma qatt ma kellha sala jew faċilitajiet sportivi, u l-istudenti u l-edukaturi kellhom jużaw swali ’l barra minn dan il-kumpless edukattiv.
Smajna minn fomm l-istudenti nfushom kemm dan l-investiment se jagħmel differenza fil-ħajja edukattiva tagħhom ta’ kuljum.
Qalet, “Qabel, pereżempju, inkunu rridu nagħmlu xi play jew anke reċta ta’ darba, konna nkunu rridu noqogħdu mmorru Marsaxlokk jew hekk, u issa peress li għandna din is-sala nistgħu faċilment naqbdu u nidħlu hawnhekk, jiġifieri iktar faċli biex tagħmel xi play jew hekk.”
Qal, “Importanti għax meta, pereżempju, tkun ix-xita, ma nibqgħux ġewwa fil-klassi, nistgħu niġu hawnhekk u xorta nagħmlu l-lesson tal-PE.”
Is-sala tesa’ madwar erba’ mija u ħamsin persuna bilqiegħda u tista’ tintuża għal diversi attivitajiet, inkluż bħala teatru.
Maġenbha nbena wkoll kumpless sportiv, li jista’ jintuża għal diversi dixxiplini, fosthom għall-basketball, il-futsal, il-badminton u l-volleyball.
Fuq il-bejt ta’ dawn is-swali, inbena roof garden li żied l-ispazju rikreattiv ta’ barra għall-istudenti.
Dawn iż-żewġ proġetti eventwalment se jitgawdew ukoll mill-komunità, għax il-faċilitajiet għandhom daħliet separati mill-iskola biex ikunu jistgħu jintużaw mill-komunità barra l-ħin tal-iskola.
Sadanittant, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima afferma li l-pajjiż jirrikonoxxi s-sehem imprezzabbli tal-edukaturi fis-settur edukattiv u għalhekk qed jara li dawn ikollhom l-aqwa ambjent fuq il-post tax-xogħol tagħhom.
Stqarr, “Irridu nkomplu naħdmu issa biex nagħtu dejjem aktar għodda lill-edukaturi tagħna li permezz tagħhom jassiguraw li l-istudenti tagħna jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom.”