L-impenn tal-Gvern favur l-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja qed ikompli jħalli l-frott hekk kif tħabbar proġett ta’ estensjoni fil-Park Nazzjonali tas-Salina b’investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera hekk kif spjega li din l-estensjoni fuq medda ta’ kważi tmien tomniet ta’ art se tinkludi fiha t-tħawwil ta’ elf siġra indiġena u arbuxella. Huwa spjega: “L-iskop huwa li dan it-territorju jingħaqad mat-territorja l-ieħor tal-park ta’ Kennedy Grove mbagħad Kennedy Grove jingħaqad mal-parti tas-Salini allura għandek qisu 120, 130, 140 tomna jiġifieri dan sar Park konsiderevoli.”
B’hekk flimkien ma’ faċilitajiet ta’ dawl u tagħmir ta’ rikreazzjoni għall-familji u wliedhom, mis-sena 2021 dan il-park ser jingħatalhom lura fi spazju miftuħ ikbar u isbaħ minn qatt qabel.
Il-Ministru Herrera rrimarka kif din iż-żona kienet mmarkata għal iktar żvilupp iżda l-Gvern għaraf l-importanza taż-żona għall-familji ta’ San Pawl il-Baħar u Buġibba.
“Hawnhekk kien earmarked biex isir xogħol ta’ kostruzzjoni. Kienet se ssir skola u ħadt pjaċir li tramite l-intervent tiegħi li hawnhekk preservajnieh”, sostna l-Ministru Herrera.
Il-permessi għal din l-estensjoni ġew approvati ftit tal-jiem ilu bix-xogħol mistenni jibda s-sena d-dieħla mill-ħaddiema ta’ Ambjent Malta.
Din il-parti tal-park mistenni titlesta fi żmien sentejn