Inawgurat proġett ta’ rinnovament estensiv fl-għases tal-Pulizija taż-Żejtun, ta’ Ħaż Żabbar, u ta’ Birżebbuġa u imħabbar il-bini ta’ għassa ġdida f’Wied il-Għajn. Proġett li qed jara investiment ta’ iżjed minn miljun ewro minn fondi lokali iddedikati lil għases distrettwali li jifforma parti mill-immodernizzar tal-Korp tal-Pulizija.
Dalgħodu l-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Carmelo Abela żar it-tliet għases u inawgura dan ix-xogħol ta’ tisbiħ estensiv li kien jammonsta għal iżjed minn €500,000 u li fl-għassa tal-Pulizija taż-Żejtun kien jinkludi wkoll ir-restawr tal-faċċata ta’ barra. Faċċata li għandha valur ta’ wirt storiku mibnija b’ċertu sengħa fuq stil Neo-Klassiku li kien popolari ferm fiż-żminijiet tal-bidu tas-seklu għoxrin.
F’ċerimonja tal-inawgurazzjoni li saret quddiem l-għassa tal-Pulizija taż-Żejtun, il-Ministru Abela saħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-għases tal-Pulizija fil-lokalitajiet li għandu jirrifletti f’servizz aħjar lil pubbliku. Huwa irrimarka kif dan il-Gvern iqis l-għases distrettwali bħala l-qalba tal-Pulizija, minn fejn il-pubbliku jirrikorri għall-għajnuna u ried isarraf din il-kultura ġdida f’investiment.
Abela saħaq kif dan huwa Gvern li jemmen fl-inklużjoni u servizz ugwali għal kulħadd, sar ix-xogħol sabiex dawn it-tliet għases ikunu iżjed aċċessibli għal persuni b’diżabilita’ fosthom permezz ta’ rampi u rest rooms aċċessibli. Innota kif per eżempju r-rampa għal għassa ta’ Ħaż-Żabbar kienet ilha ippjanata mis-sena 2003 iżda kien propju issa li din saret. Żied jgħid kif bħalissa għaddej ix-xogħol sabiex għases oħra wkoll ikunu aċċessibli għal persuni b’diżabilita’ li jinkludu l-għassa tal-Pulizija tal-Qawra, Bormla, Fgura u Rabat Għawdex.
Huwa semmà wkoll kif matul l-aħħar sena sar xogħol sabiex l-għasses kollha jkunu mgħammra b’sistema’ ta’ arja ikkundizzjonata. Dan apparti tliet għases li ma kienx hemm fihom provvista tad-dawl three phase li qed isir xogħol f’dan ir-rigward. Aspett li jista’ jiġi meqsjus bħala wieħed bażiku f’post li joffri servizz lill-pubbliku, iżda li propju sar biss issa.
Il-Ministru Abela spjega kif diġa għaddej ix-xogħol sabiex dan il-proġett ta’ rinnovament estensiv fl-għases jidħol fit-tieni fażi tiegħu u jilħaq iżjed lokalitajiet, bl-għasses tal-Pulizija identifikati jkunu dawk ta’ Bormla, Marsaxlokk, Ħal Għaxaq, Fgura, Imsida, Sliema u San Ġiljan. Dan filwaqt li qed isir xogħol ta’ manteniment fuq l-għases tal-Mosta u Raħal il-Ġdid.
Hawn huwa tkellem kif kien propju dan il-Gvern li beda jibni għases ġodda u wara li matul din l-amministrazzjoni infetħu żewġ għases ġodda fil-loktalitajiet tas-Swieqi u l-Pietà, kien imiss ix-xogħol sabiex tiġi identifikata art għal bini ta’ għassa ġdida għal lokalita’ ta’ Wied il-Għajn b’investiment ta’ €500,000. Lokalità li hija wkoll popolari mat-turisti u huwa denju u xieraq li jkollha għassa ġdida permanenti.
Abela tkellem ukoll fuq kif ix-xogħol ta’ rinnovament li sar, kien magħmul fuq kunċetti innovattivi. Fost l-oħrajn l-għases taż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u Birżebbuġia inbnew fuq sistema tad-dawl li hija energy-friendly u raw it-tneħħija ta’ bankijiet għoljin fl-orderly tal-Pulizija għal dawk iżjed adekwati għal komunikazzjoni bejn iċ-ċittadin u l-Pulizija. L-għases bdew jingħataw sens ta’ identita’ u karattru hekk kif ġie introdott il-kunċett ta’ branding fl-orderly room b’disinn artistiku li jfakkar minnufih lil Pulizija u lil dawk li jidħlu fl-għassa fil-missjoni tal-Pulizija, dik li jżommu lil Malta bħala stat sikur
Il-Ministru għall-Intern għamel enfasi fuq kif ħidma fil-qasam infrastrutturali waħedha mhux biżżejjed għal titjib fis-servizz u li kien propju għalhekk li bdew jiġu introdotti servizzi ġodda. Hawn huwa innota kif fl-aħħar xhur twaqqfet it-Taqsima tal-għajnuna lill-vittmi ta’ reati bil-vittmi jingħataw jingħataw informazzjoni fuq id-drittijiet tagħhom u riferiment għal għajnuna minn din it-taqsima hekk kif imorru l-għassa jagħmlu r-rapport.
Il-Ministru Abela innota li Korp Modern ma jsaħħaħx biss il-ħarsien tal-pubbliku iżda anke il-benessere tal-membri tiegħu stess, li matul ix-xogħol tagħhom jiltaqgħu ma każijiet diffiċli ferm li bla ma jafu jistgħu jħallu impatt fuqhom. Kien għalhekk li riċentament ġiet imwaqqfa it-Taqsima għal Serviziz ta’ Counselling għall-Pulizija immexxija mill-Ispettur u Counsillor Edward Zammit li qed joffri dan is-servizz mill-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati, minn stadju ta’ rekluti.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Carmelo Abela temm billi saħaq kif il-ħidma tal-Gvern fil-qasam tal-Pulizija kienet immira fuq għan prinċipali, dik li jkun hemm iżjed Pulizija fit-toroq b’iżjed rondi fil-lokalitajiet kemm bil-vetturi u anke bil-mixi. Qal li kien b’hekk li fl-aħħar erba’ snin, dan il-Gvern investa fix-xiri ta’ 40 karozza ġdida imqassma bejn id-distretti u l-membri tar-Rapid Intervention Unit u għamel reklutaġġi kontinwi sabiex ir-riżorsa umana tad-distretti tissaħħaħ. Investiment li kien ibbażat fuq tagħmir ġdid u taħriġ professjonali għal servizz mill-Korp tal-Pulizija li jkun eqreb u ta’ kwalita’ aħjar għaċ-ċittadini u dawk li jżuruna.