Permezz ta’ investiment jiswa’ €428,000, il-Pitkalija issa hija mogħnija bi crate washer li ser jagħti daqqa’ t’id lill-bdiewa, il-koperattivi u ħaddiema f’xogħolhom.
Din il-magna ser tkun qiegħda tnaddaf kaxxi fejn jiġu ppakkeġġatati prodotti lokali. Apparti hekk dan l-investiment ikopri wkoll xogħol ta’ manutenzjoni u titjib fis-sistema tal-elettriku sabiex jitjieb l-operat.
Dan filwaqt li sar investiment fir-riżors uman biex il-Pitkalija titmexxa b’mod effiċjenti.
Intant, bħala parti mir-riforma fil-Pitkalija, tħabbret ukoll pjattaforma soċjali ġdida bl-isem ta’ ilbidwi.gov.mt, fejn fiha kull bidwi li jdaħħal ix-xogħol tiegħu fil-Pitkalija jkollu aċċess għal informazzjoni personali dwar il-prodott tiegħu.
B’hekk illum il-ġurnata l-Pitkalija qed tagħmel użu minn sistemi moderni tal-informatika li se jwasslu għal aktar trasparenza.
Dan l-investiment huwa parti minn pjan li ġie mħabbar ftit tax-xhur mill-Ministeru għall-Agrikoltura għall-benefiċċju tal-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Anton Refalo spjega li dan l-investiment ser jassigura effiċjenza għolja tal-provvista tal-ilma u d-dawl li tiġi utilizzata b’mod sostenibbli.
Kompla jgħid li dan kollu se jservi sabiex tiġi assigurata l-kwalità u jingħata servizz aħjar lill-konsumatur meta jasallu prodott frisk u bnin.