B’investiment ta €2.2 miljun, il-klabb akwatiku tas-Sirens f’San Pawl il-Baħar se jiġi riġenerat. Dan il-proġett se jinkludi mhux biss il-bini mill-ġdid tal-pixxina u l-faċilitajiet relatati, iżda wkoll se jinkludi għall-ewwel darba gym u ċentru tal-għaddasa taħt il-kumpless.
Dan l-investiment huwa wieħed minn numru ta’ proġetti infrastrutturali mħabbra dalgħodu mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Chris Agius f’konferenza tal-aħbarijiet fil-pixxina tas-Sirens f’San Pawl il-Baħar. B’investiment totali ta’ iktar minn €4 miljun ifinnanzjati mid-Development Planning Fund tal-Awtorita tal-Ippjanar, se jiġu ffinanzjati 22 proġett fi tlettax-il lokalita madwar Malta u Għawdex.
Il-Ministru Borg qal li klabb bħas-Sirens qatt ma seta’ jkun f’pożizzjoni li jagħmel dan l-investiment mingħajr għajnuna u għalhekk kien importanti l-intervent tal-fond tal-Awtorita tal-Ippjanar. Fakkar fl-importanza ta’ dan il-fond u l-ġid li dan qed jagħmel. Grazzi għal diversi kunsilli lokali, fuq medda ta’ sentejn ġew iffinanzjati 84 proġett u imressqa diversi proġetti oħra.
Is-Segretarju Parlamentari Agius qal kif dan l-investiment fil-klabb tas-Sirens huwa wieħed rekord għal proġett wieħed. Saħaq dwar l-importanza li dawk li jagħmlu xogħol fil-komunita sabiex japplikaw għal iffinanzjar minn dawn il-fondi.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarji Parlamentari Silvio Parnis u Clifton Grima.