Fl-istazzjon tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Ħal Far ġew ippreżentati għaxar vetturi ġodda li se jkomplu jintużaw fl-operazzjonijiet tant importanti għas-sigurtà tal-poplu Malti.
Dan sar b’investiment ta’ €170,000.
Waqt il-preżentazzjoni l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia qal li dawn il-vetturi huma parti minn strateġija wiesgħa f’ċirkostanzi li jsalvaw il-ħajjiet.
“Dawn il-vetturi jistgħu jintużaw u jaslu qabel il-vetturi l-kbar” spjega l-Ministru Farrugia.
Saħaq li l-Ħadd permezz ta’ dawn it-tip ta’ vetturi ġiet salvata ħajja ta’ persuna li kienet qed tikkomtempla li twettaq suwiċidju.
“Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mhux qiegħed hemm biss biex jiġġieled in-nirien biss”, sostna l-Ministru Farrugia li fisser kif il-korpi dixxiplinati jridu jikkordinaw iżjed bejniethom.
Il-Ministru Farrugia stqarr li “Bħalissa għaddejjin numru ta’ desktop exercises fi ħdan il-Ministeru li ħa jkunu qegħdin iwasslu biex il-korpi dixxiplinati jkunu jistgħu jaħdmu aktar flimkien. Ikunu jafu aktar lil xulxin, ikunu jafu l-parti tal-parteċipazzjoni tagħhom biex is-servizzi ta’ emerġenza jkunu jistgħu jagħtu l-aħjar servizz fiċ-ċirkostanza u f’kull ċirkostanza li jistgħu jsibu fihom”.
Il-Ministru Farrugia qal li fiż-żmien li ġej bosta rekluti ġodda se jiżdiedu mal-forza tant importanti għall-pajjiżna.
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emmanuel Psaila spjega kif ir-responsabbiltajiet fuq id-Dipartiment li jmexxi kibru.
Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Emauel Psaila qal li “Għandna xogħol verament wiesa’ iżjed. Għandna responsabiltà tas-sigurtà li nżommu u nħarsu s-sigurtà tat-tifi tan-nar u dawn il-karozzi se jservu biex l-uffiċjali għandhom transport iktar modern u effiċjenti”.