B’investiment ta’ disa’ miljun ewro, l-impjant ta’ Sant’Antnin se jkun jista’ jittratta l-iskart tal-annimali mill-bdiewa u r-raħħala.
Dan l-investiment huwa mmirat biex iżid is-sostenibbiltà f’dan is-settur u jtaffi l-piż mis-sistema tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo spjega kif dan il-proġett se jtejjeb l-infrastruttura għat-trattament tad-drenaġġ u jagħti r-riżorsi neċessarji lill-bdiewa f’forma ta’ ‘ilma ġdid’.
Spjega, “Bħala sistema aħna qegħdin nisseparaw l-iskart solidu minn mal-iskart likwidu. L-iskart solidu nerġgħu nagħtuh b’xejn lill-bdiewa u r-raħħala tagħna filwaqt li l-iskart likwidu jsir second class water li ukoll jingħata b’xejn lir-raħħala u l-bdiewa tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi sostna li dan il-proġett se jgħin lil pajjiżna jilħaq il-miri ambjentali tiegħu.
Qal, “B’investiment ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, hawn qiegħdin nagħmlu proġett ġewwa Sant’Antnin f’Wied il-Għajn flimkien mal-Water Services Corporation biex jiġi ġġenerat aktar New Water u naraw li jiġi trattat aktar drenaġġ.”
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli stqarret li l-proġett tan-New Water huwa wieħed ta’ suċċess, hekk kif il-produzzjoni tal-ilma trattat għall-użu tal-biedja irdoppja fis-sena elfejn u għoxrin.
Spjegat, “Dan ifisser ukoll li se nkunu qegħdin inneħħu t-tagħbija minn fuq l-impjant Ta’ Barkat u allura dan l-impjant jista’ jiffoka aktar fuq produzzjoni akbar ta’ New Water u naf kemm il-bdiewa tan-naħa t’isfel ta’ Malta għandhom bżonn New Water għall-biedja tagħhom. Importanti wkoll permezz ta’ dan il-proġett se naraw li se nkunu qiegħdin nindirizzaw l-isbroff tad-drenaġġ fl-ibħra tagħna, b’mod partikolari fil-lokalità tax-Xagħjra.”