B’investiment ta’ aktar minn €900,000, ġnien li se jissemma għall-mibki eks Segretarju Parlamentari u Sindku Laburista, Silvio Parnis, f’Raħal Ġdid, se jara sistemi aħjar ta’ immaniġġjar u konservazzjoni tal-ilma tax-xita, fost oħrajn.
Iżda dan il-proġett mhuwiex wieħed uniku, hekk kif tħabbru erba’ proġetti oħrajn – f’Raħal Ġdid, il-Mosta, Marsaskala u Għajnsielem, b’investiment ta’ ’l fuq minn €2 miljun.
Dawn huma biss uħud minn diversi proġetti oħrajn li saru jew qed isiru fost il-komunitajiet biex itejbu l-ambjent fl-irħula u l-ibliet ta’ pajjiżna.
Issa permezz ta’ espressjoni ta’ interess, li ħarġet mill-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, għal tliet benefiċċjarji biex iwettqu investiment f’infrastruttura ħadra għaż-żamma u l-użu tal-ilma tax-xita, kif wkoll it-titjieb tal-kwalità tal-ilma, intagħżlu proġetti tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, il-Kunsill Lokali t’Għajnsielem u l-Aġenzija Project Green.
B’kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet, il-ġnien f’Raħal Ġdid se jkun qed jiġi rrestawrat biex iservi ta’ spazju rikreazzjonali sigur u mgħammar b’gym fuq barra. Biex aktar nies jitħajru jipprattikaw l-isport, dan il-proġett se jinkludi wkoll basketball court.
Dan il-ġnien se jiġi rrestawrat b’mod sostenibbli mill-Ministeru għax-Xogħlijiet mill-Pubbliċi u l-Ippjanar u l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, waqt li l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma se tkun qed tieħu ħsieb il-kordinazzjoni tal-proġetti.
Dan l-ilma se jkun jista’ jintuża mill-bdiewa għat-tisqija tas-siġar tal-frott u l-ħxejjex u fl-istess waqt se jiġi evitat l-għargħar fit-toroq.
Ħadna l-kummenti tas-Sindku ta’ Raħal Ġdid, Dominic Grima, dwar il-proġett.
“Ħa jkun spazju miftuħ għar-residenti, b’aktar siġar u pjanti, u ħsibna biex mhux biss nagħmlu ġnien, imma nagħmlu sports area din id-darba għat-tfal u għall-kbar.”
Sadanittant, rappreżentant mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, l-Inġinier Andrew Vella, spjega kif l-art ta’ dan il-bandli se tkun b’materjal fejn l-ilma jkun jista’ joskula fil-pjan, waqt li parti minnu tinġabar f’ġiebja u jkun jista’ jintuża għat-tisqija.
“Dan il-proġett ta’ Raħal Ġdid se jkollu art permeabbli li jgħaddi minnha, biex l-ilma li ma jinġabarx fil-ġiebja li ħa tinbena, jinżel fil-pjan.”
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega aħjar din l-infrastruttura, magħrufa bħala Green Stormwater Infrastructure.
“Hu importanti li f’pajjiżna jkollna sistemi li jimmaniġġjaw stormwater, u għargħar b’mod ekoloġiku, u b’mod sostenibbli. Dawn il-proġetti li tħabbru llum huma eżempju dwar kif ikollna stormwater management aħjar, imma li naraw li jkompli jkollna mezzi tal-ħażna tal-ilma, kif ukoll biex nagħtu mezzi lura għall-ilma tal-pjan.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, spjega kif dan il-programm, bl-isem ta’ LIFE, se jkun qed jagħti spazju rikreattiv ieħor lir-residenti Pawlini, filwaqt li jaħżen l-ilma tal-pjan.
“Fondi Ewropej li jien kburi u nħares ’il quddiem biex nara din iż-żona tinbidel kompletament, f’waħda sabiħa biex anke akwati tal-madwar ikunu jistgħu jgawduha.”