Il-Gvern u Sport Malta ħabbru proġett sportiv b’investiment ta’ €9 miljun, li se jkun parti miċ-ċentru Sportiv ta’ Livell Internazzjonali fil-Marsa, b’medda ta’ 60,000 metru kwadru.
B’rabta ma’ dan il-proġett, l-Awtorità tal-Ippjanar se tara li l-Kumpless Sportiv tal-Marsa jkun maqsum f’erba’ żoni u jinkludi faċilitajiet għal diversi dixxiplini sportivi.
Waqt żjara fuq il-post mis-Segretarju Parlamentari Clifton Grima u l-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar, kien spjegat ukoll li fil-binjiet il-ġodda se jkunu jistgħu jiġu pprattikati n-netball, il-ġinnastika u l-weightlifting. Fl-istess ħin, il-binja magħrufa bħala tal-1903 se tiġi rrestawrata u tinbidel f’uffiċini u ristorant.
Parti oħra tal-art se tintuża primarjament għal faċilitajiet ta’ livell internazzjonali relatati mat-tiġrijiet taż-żwiemel, żoni ta’ taħriġ u stalel. Dan apparti faċilitajiet anċillari fiż-żona.
“Hawnhekk se jkollna tliet proġetti u tliet faċilitajiet li se jkunu lesti sal-2023, u għall-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar. Apparti dan qed jitkomplew il-proġetti f’Ta’ Qali u f’Pembroke biex fi ftit żmien, Malta jkollha ħames faċilitajiet sportivi.”
Se jkun hemm ukoll faċilitajiet tal-golf u akkademja tal-golf u se jkun hemm żona b’faċilitajiet relatati mad-dixxiplini sportivi oħra, bħat-tennis.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li dan il-proġett huwa konformi mal-viżjoni tal-gvern għal dan is-settur, u jikkumplimenta proġetti u investimenti oħra li saru fl-aħħar snin.
“U dan kollu jidħol eżatt mal-viżjoni tal-Gvern għall-qasam sportiv, li jkompli jikseb u jġib riżultati għall-pajjiż imma anke li jagħti dinjità lill-atleti li jipprattikaw dan l-isport u li b’mod regolari jkunu wkoll ambaxxaturi ta’ pajjiżna f’kompetizzjonijiet internazzjonali.”