Bl-għajnuna tal-Malta Enterprise l-kumpanija lokali C Cini se tkun qed tinvesti f’faċilitajiet ġodda u moderni fl-Imrieħel biex tespandi l-operat tagħha fi swieq differenti permezz ta’ prodotti ġodda.
Dan tħabbar f’konferenza ġewwa l-uffiċini tal-istess kumpanija f’Ħal Qormi fejn tħabbar kif dan l-investiment ilaħħaq id-disa’ miljun ewro u li b’hekk se jżid l-impjegati tal-kumpanija b’40%.
Waħda mid-direttriċi tal-kumpanija, Melanie Galea Cini spjegat f’aktar dettall dan l-investiment.
Qalet li “permezz tal-għajnuna tal-Malta Enterprise u skemi oħra l-kumpanija se tkun qed tinvesti €9 miljun f’fabbrika ġdida bi skop wieħed, li b’dan se tkun tista’ tkabbar il-produzzjoni tagħha billi toħroġ prodotti ġodda fis-suq u billi tinvesti f’makkinarju aktar awtomatizzat u tal-aħħar teknoloġija b’aktar effiċjenza b’nuqqas ta’ konsum ta’ enerġija.”
Permezz ta’ dan il-proġett, li se jsir fuq art allokata minn Indis Malta, Melanie Galea Cini spjegat ukoll li b’dan l-investiment ġdid, il-fabbrika se timxi minn żona residenzjali għal żona industrijali fl-Imrieħel magħrufa bħala ‘The Food Hub.’
Galea Cini spjegat ukoll kif b’dan l-investiment se jintlaħqu oqsma ġodda mill-prodotti ta’ din il-kumpanija u mistennija jinħolqu aktar impjiegi.
sa]qet li “l-viżjoni ewlenija tal-kumpanija hija waħda : dik li tkompli tkabbar l-operat tagħha kemm fis-settur lokali u kemm dak internazzjonali. Dan jista’ jseħħ billi nżidu madwar 40% ta’ impjiegi ġodda f’setturi diversi fosthom dik tar-riċerka u l-iżvilupp u kif ukoll tal-amministrazzjoni u dik tal-produzzjoni.”
Id-Direttriċi tal-Kumpanija temmet tgħid li l-kumpanija diġà bdiet tesplora swieq ġodda internazzjonali fosthom fl-Awstralja, il-Libja u l-Italja ta’ isfel.
Quddiem dan l-investiment ambizzjuż, il-Ministru għall-Enerġija l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Dr Miriam Dalli tenniet is-sodisfazzjon tagħha għal dan l-investiment minn intrapriża lokali tal-familja.
Miriam Dalli sostniet ukoll l-importanza tal-għajnuna tal-Malta Enterprise għal dawn il-proġetti.
Spjegat kif “l-investiment li qed inħabbru llum jinkludi wkoll pereżempju investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp li hija xi ħaġa importanti ħafna u li bħala pajjiż irridu nkomplu nimbuttaw aktar investiment fiha għaliex meta tinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp, kumpanija bħal tagħkhom tista’ ttejjeb u toffri prodotti ta’ kwalità.”