Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura dar tal-anzjani f’Raħal Ġdid. Id-dar għandha 109 sodod u saret b’investiment ta’ tmien miljun ewro mill-kumpanija LyonsCare.
Id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija, Mark Bajada qal li l-Gvern se jkun qed jixtri s-sodod kollha fid-dar waqt li l-kumpanija se tkun qed toffri lir-residenti fid-dar servizz tal-ogħla kwalità.
Bajada qal “Hawnhekk ġie milqugħ ppp mal-Gvern fejn il-Gvern b’mod esklussiv se jkun qed jixtri s-sodod kollha li aħna qegħdin nipprovdu f’din id-dar li huma 107 sodod biex aħna inkunu nistgħu nagħtu servizz b’mod ħolistiku li jinkludi l-ikel u l-kura u s-sapport kollu meħtieġ.”
Id-Direttur Maniġerjali ta’ LyonsCare, Mark Bajada qal li d-dar se tkun qed toffri ambjent professjonali u dinjituż mgħammar bl-aħħar tekonoloġija.
Bajada qal li “Fin-naħat tagħna fin-naħat tan-nofsinhar ta’ Malta kien jinħass bżonn kbir għall-kura tal-anzjani b’investimenti fid-djar tal-anzjani u fid-daycare centres. Aħna propju indirizzjana għaliex nemmnu li l-anzjan trid iżommu attiv, l-anzjan trid iżommu kurat għandu jkollu d dinjita u s-sapport kollu meħtieġ biex jgħix il-ħajja tiegħu komda u b’sigurta’.”
Is-Sur Bajada qal li diġà hemm pjani sabiex isiru estensjonijiet f’din r-residenza.
Hu qal li “Pjanijiet għall-futur mid-dar stess qegħdin naraw li tiġi estiża parti oħra li hija night shelter fejn fiha nkunu nistgħu nilqaw nies għal matul il-lejl kif ukoll day care centre illi persuna jista jiġi hawnekk u jagħmel il-ġurnata tiegħu flimkien mar-residenti l-oħra u jista jgħix b’ħajja dinjituża.”
Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar l-importanza ta’ kura professjonali lejn l-anzjani hekk kif il-popolazzjoni anzjana qed tkompli tikber.
Dr Muscat faħħar dan l-investiment li qal se jkun qed jimla vojt fin-naħa t’isfel tal-pajjiż. Qal li l-Gvern mhux se jieqaf bl-impenn tiegħu lejn l-anzjani anke b’miżuri li jnaqqsu t-taxxi minn fuq l-anzjani wara li żieda oħra fil-pensjonijiet.
Id-dar se tkun qed timpjega mal-100 ħaddiem professjonali li ħafna minnhom se jkunu mill-istess inħawi sabiex jitnaqqas l-ivvjaġġar.