Ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtoritá għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-Fondazzjoni ta’ Heritage Parks u kif ukoll numru ta’ entitajiet privati biex isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni fiż-żona tal-Barracks ġewwa l-Park tal-Majjistral. Apparti minn hekk se jsir restawr tal-abitat u l-forestazzjoni.
Dan l-investiment ta’ tliet kwarti ta’ miljun ewro tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli waqt li kienet qed iżżur l-ewwel Fiera ħadra f’Malta mtella’ għall-Jum Internazzjonali għad-Dinja.
Il-Ministru Dalli spjegat, “Dan l-MOU bejn l-ERA u l-Heritage Parks Foundation ser iwassal biex ikunu nvestiti €735,000 fil-Majjistral Park. Dan l-investiment ser ikun qed jingħaqad ma’ sponsorships ta’ kumpaniji privati li bħala parti mic-CSR tagħhom qegħdin jaraw li jkomplu jinvestu l-flus f’dan il-Park. Hawn nappella lill-iżjed kumpaniji privati li bħala parti mic-CSR tagħhom jibqgħu jħarsu li jkomplu jinvestu f’inizjattivi ambjentali f’pajjiżna.”
Intqal kif diġa sar xi xogħol ta’ restawr fuq binjiet u strutturi fl-istess żona tal-Barracks li nbnew fi żmien ir-Renju Ingliż f’pajjiżna. Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi Kevin Mercieca qal li se jsir ukoll restawr tas-sand dunes f’Għajn Tuffieħa, u kif ukoll se jitħawlu siġar u pjanti addatti għal kliema ta’ dawn l-unħawi.
Mercieca stqarr, “Ser isir xogħol ta’ tisbieħ, xogħol ta’ tħawwil ta’ siġar, xogħol ta’ tneħħija ta’ skart mill-inħawi, xogħol ta’ tneħħija ta’ speċi invażivi, sabiex dan il-Park ikun jista’ jitgawda iżjed mill-pubbliku. Ikun hemm postijiet fejn in-nies ikunu jistgħu jikrejaw ruħhom u postijiet fejn inkunu nistgħu ngawdu n-natura u titjieb il-kwalità tal-ħajja.”
Intant, il-Ministru Miriam Dalli kompliet iżżur il-fiera, fejn qed jinbiegħu diversi prodotti sostennibbli li jvarjaw minn prodotti għad-dar, tal-moda u s-sbuħija, tal-ikel, u tal-ġardinaġġ fost oħrajn. Filfatt, iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Park tal-Majjistral inbidlet f’żona għall-attivitajiet b’diversi taħditiet. F’din il-fiera l-pubbliku kellhu l-opportunita’ li jitgħallem mill-esperti u jsib soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi li jiltaqa’ magħhom ta’ kuljum.
Preżenti għal din il-fiera l-ħadra, kien hemm ukoll rappreżentanti mill-Fondazzjoni Heritage Parks. Darren Saliba mill-istess Fondazzjoni qal li permezz ta’ dan il-ftehim, din il-fondazzjoni se tkun f’pożizzjoni li tagħmel aktar xogħol ta’ tisbiħ fil-Park tal-Majjistral.
Il-Manager ta’ Heritage Parks irrimarka, “Illum waqt l-affarijiet li għandna tal-Earth Day illonċjajna proġetti li qed nagħmlu ma’ numru entitatijiet u kumpaniji privati, kif ukoll iffirmajna MOU mal-ERA li bih se nkunu qed nagħmlu numru ta’ xogħlijiet ambjentali kif ukoll xogħol strutturali biex intejjbu l-Park u nmexxuh ‘l quddiem. Mingħajr din l-għajnuna mill-ERA u mis-settur privat, ċertu proġetti ma jkunux jistgħu jsiru u b’hekk nirringrazzjawom.”