Tħabbar investiment ta’ seba’ mitt elf ewro li se jkun qed itejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u kif ukoll tal-ħaddiema tar-Residenza San Vinċenz de Paul.
Il-fondi, li tmenin fil-mija minnhom ġejjin mill-Unjoni Ewropea, se jkunu qed iwasslu għal rinovar f’sitt iswali – tlieta mill-blokka Maria Tereża u tlieta oħra fis-Serenity Ward.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, spjega kif il-proġett jikkonsisti, fost oħrajn, f’tibdil ta’ aperturi biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ madwar 190 resident u 120 ħaddiema li jaħdmu fil-wards.
“€700,000 li 80% minnhom ġejjin minn Fondi Ewropej li użajnihom sabiex nirrnovaw l-aperturi ġewwa sitt swali f’San Vinċenz de Paul, aktar moderni u aktar enerġy efficient u dak ifisser bidla favur l-ambjent. Se jgawdu minnhom 190 resident kif ukoll l-impjegati li jieħdu ħsiebhom, 120 impjegat.”
Jo Etienne Abela – Ministru
Hu kompla kif proġetti bħal dawn jgħinu biex ikompli jitjieb is-servizz li jingħata lir-residenti f’San Vinċenz.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal kif, filwaqt li dan il-proġett hu investiment dirett fir-residenti ta’ San Vinċenz de Paul, dawn il-bidliet se jnaqqsu drastikament il-konsum tal-enerġija fir-residenza.
Żied jgħid li din il-miżura tikkontribwixxi biex Malta tilħaq il-miri u d-direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar l-enerġija.
“Il-Fondi Ewropej huma kruċjali għax apparti l-fondi nazzjonali, għandna dan il-pakket ta’ fondi, l-akbar pakkett li ġie nnegozjat fl-istorja ta’ pajjiżna mill-Prim Ministru Robert Abela. Dan qed jikkumplimenta l-viżjoni ta’ pajjiżna. Dan hu proġett li jidħol fl-iskop ta’ kif se nużaw aktar enerġija nadifa.”
Chris Bonett – Segretarju Parlamentari
Hu żied jgħid li dan il-proġett jagħmel parti mill-finanzjament tal-assi prijoritarju 4 tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li għandu ammont allokat ta’ kważi tlieta u tletin miljun ewro, iddedikat għall-appoġġ tal-enerġija effiċjenti u l-użu tal-enerġija rinovabbli fl-infrastruttura pubblika, inkluż fil-bini pubbliku.