Waqt żjara hekk kif għaddejjin xogħlijiet għat-tisbieħ f’Wied iż-Żurrieq, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis stqarr li dan jikkumplimenta mal-Politika Nazzjonali tat-Turiżmu li nieda l-Gvern fl-2015 fejn tħares lejn l-estetika u l-kwalità ambjentali ta’ żoni turistiċi u jeħtieġ li jitjiebu permezz ta’ landscaping aħjar u l-ambjent inġenerali, b’attenzjoni partikolari għad-dettall u disinn.
Dan il-proġett li se jiswa’ madwar €70,000 qed issir b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi u l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu (MTA). Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis aċċenna li Wied iż-Żurrieq huwa prodott kostali li jiddefenixxi l-gżejjer Maltin bis-sbuħija tiegħu u għalhekk huwa importanti li nieħdu ħsiebu.
“Apparti l-ġmiel naturali tal-wied innifsu, wieħed ma jistax ma jsemmiex il-Blue Grotto fejn għadd ta’ turisti li jżuruna jagħżlu li jgawdu is-sbuħija naturali tiegħu. Wied iż-Żurrieq huwa wkoll popolari mal-industrija tal-għads fejn jesperjenżaw l-aktar ‘wreck’ popolari, mgħarraq fl-ibħra Maltin bl-isem ta’ Umm el Faroud.”
Għaldaqstant, il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi u l-MTA assistiet lill-Kunsill Lokali sabiex idawlu l-bajja, manutenzjoni fil-latrina pubblika, pavimentar ħdejn il-kosta u anke bit-tarmak, railing kif ukoll għinuna lil Assoċjażżjoni tad-Dgħajjes.
Il-Ministru għat-Turiżmu temm jgħid li dan il-proġett iniżjali se jitlesta sal-aħħar ta’ Lulju li ġej u huwa biss il-bidu minn proġett holistiku għax hemm pjanat investiment akbar.