B’investiment ta’ €70,000, l-Orkestra nazzjonali se tagħmel pass importanti ‘l quddiem fil-kwalità tal-awdjo. Dan l-investiment sar f’pannelli akustiċi ġodda li l-għan tagħhom huwa li jagħmlu l-postijiet fejn isiru numru ta’ kunċerti f’pajjiżna aktar adegwati għall-orkestra nazzjonali.
Il-pannelli akustiċi, magħmulin mid-ditta speċjalista Portugiża Jocavi u fornuti mill-kumpanija lokali Digital Magic, jgħinu biex l-akustika tiġi viċin kemm jista’ jkun għal dik ta’ sala tal-kunċerti.
Dawn il-pannelli, li jiġu armati f’forma ta’ nofs tond wara l-orkestra u se jkunu qed jgħinu biex il-ħoss tal-istrumenti mużikali jimxi minn parti għal oħra tal-palk, u biex il-ħoss tagħhom jitgawda aħjar mill-udjenza.