Fl-ewwel erba’ snin ta’ dan il-Gvern ġew investiti aktar minn €7 miljuni fl-isptar San Vinċenz de Paul, dan sabiex titjieb il-kwalità ta’ kura u kif ukoll biex l-anzjani jgħixu ħajja aħjar.
Fost il-proġetti li mmarkat bi prominenza, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’ Diżabilità u Anzjanità Attiva, Justyne Caruana, spjegat kif l-ewwel fażi tal-proġett Rużar Briffa, li x-xogħol fuqu beda f’Lulju tal-2016, se tkun qed tinfetaħ għall-ewwel darba f’Diċembru li ġej.
Dan il-proġett, li hu l-ewwel fażi hi stmata li tiswa madwar €4.5 miljuni, se jkun qed jara żieda fis-sodod f’San Vinċenz fejn minn 60 sodda l-ammont se jkun qed jitla’ għal 104.
Proġett ta’ suċċess ieħor li semmiet kien dak fis-sala St Joseph 6, fejn f’Diċembru li għadda kien inbeda kunċett ġdid f’SVDP fejn koppji anzjani jingħataw iċ-ċans li jingħaqdu flimkien anke f’dar residenzjali.
Il-koppji li qabel kienu anke fi djar residenzjali differenti, ukoll ngħataw iċ-ċans li jibbenefikaw minn din l-inizjattiva, fejn għal darboħra jerġgħu jingħaqdu flimkien bħala koppja.
Caruana ħabbret ukoll proġett ġdid, li jinkludi xogħol ġewwa sala ġdida, St Joseph 5, sala ddedikata għal koppji b’investiment ta’ €400,000.