L-Enemalta kompliet issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku , din id-darba f’San Pawl il-Baħar, b’investiment ta’ seba’ miljun ewro. Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli żaret il-lant tax-xogħol.
Bħalissa qed jitpoġġew 18-il kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art fejn dan il-proġett se jaffettwa madwar 25,000 klijent, kemm residenzjali kif ukoll kummerċjali.
Ġie spjegat li l-Enemalta kellha wkoll laqgħat mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fejn ġie spjegat il-proċess tax-xogħlijiet u l-impatt tagħhom fuq il-komunità. Intqal dan ix-xogħol ikompli ma’ dak li sar fl-aħħar snin f’din l-akbar lokalità f’pajjiżna.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta, Ryan Fava spjega li dan il-proġett iġib ’il quddiem il-viżjoni tal-entità għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija.
“Nerġa nirringrazzja lill-ħaddiema tal-Enemalta tax-xogħol siewi li qed jagħmlu flimkien ukoll mal-entitajiet tal-Infrastructure Malta u Transport Malta biex dan ix-xogħol jista’ jsir, filwaqt li nirringrazzja wkoll lir-residenti tal-appoġġ li qed jagħtu lilna biex dan ix-xogħol jista’ jitkompla jsir fl-iqsar żmien possibli.”
Ryan Fava – Chairperson Eżekuttiv Enemalta
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli saħqet li dan il-proġett juri l-impenn tal-Gvern fuq is-sistema elettrika moderna u affidabbli.
“Bix-xogħolijiet li qegħdin nagħmlu f’din il-lokalità rridu ngħaqdu sew ir-residenti, lill-komunità kummerċjali u lill-komunità ta’ turisti li jkunu qed iżuru dawn in-naħat, propju fis-sajf.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Intqal ukoll li fix-xhur li ġejjin se jitpoġġew aktar minn 60 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art f’21 lokalità madwar pajjiżna, bil-għan li tittejjeb il-kapaċità u l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku fuq skala nazzjonali.