B’investiment ta’ sebgħa punt ħames miljun ewro, ġie inawgurat full flight simulator li jirrikrea tmienja u disgħin fil-mija tal-attività li tiġri waqt titjira, u li huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu f’pajjiżna.
F’dan is-simulator, wieħed isib l-apparat kollu li jinkorpora fih ajruplan tat-tip Airbus A320 – li bħalu l-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta għandha disgħa – bl-aktar wieħed riċenti huwa n-NEO li wasal Malta ġimgħatejn ilu.
Is-simulator joffri esperjenza reali ħafna għal dawk kollha li jużawh li se jkollhom iċ-ċans itajjru t-titjira daqslikieku vera qegħdin fuq ajruplan.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat faħħar is-sinerġija bejn il-privat u l-kumpanija Simliner u nnota li għalkemm l-Air Malta kienet l-ewwel linja tal-ajru li użat is-servizz tas-simulator, dan l-investiment se jiftaħ il-bibien tiegħu għal linji tal-ajru oħra minn madwar id-dinja.
Huwa rringrazzja lill-kumpanija Simliner għall-fiduċja li wriet f’Malta, u nnota li dan l-investiment beda b’sempliċiment telefonata bejn żewġt iħbieb. F’dan il-kuntest, Joseph Muscat qal li dan huwa l-mod li bih jaħdem il-Gvern. Mod li huwa mgħaġġel, effiċjenti u fuq kollox sostenibbli.