Il-Gvern se jkun qed jinvesti €6 miljun oħra għall-proċeduri tal-IVF. Dan wara li ftit tal-ġimgħat ilu ġiet estiża l-iskema ta’ rifużjoni tal-mediċini tal-IVF lil dawk il-ġenituri prospettivi li għamlu jew se jagħmlu t-trattament ta’ prokreazzjoni medikament assistita fi kliniċi liċenzjati privati f’Malta.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva hekk kif il-Ministru Jo Etienne Abela sostna li l-Gvern kommess li jibqa’ jagħti s-sostenn meħtieġ u jkompli jtejjeb is-servizz offrut.
Il-Ministru Abela spjega li wara diskussjonijiet li saru mar-regolatur ewlieni tas-settur, li hi l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun (EPA), il-Gvern se jkun qed jidħol f’negozjati mal-uniku ‘Tissue Establishment’ liċenzjat f’Malta u li joffri s-servizzi kollha tal-IVF fil-privat.
Il-Ministru Abela kompla jispjega li, fi żmien sitt xhur, se jkunu qed joffru s-servizz lil madwar 650 ġenitur prospettiv bl-ispiża kollha jġorrha l-Gvern.
Dawn jinkludu 300 ġenitur prospettiv, li se jkunu qed jagħmlu l-IVF; madwar 200 ġenitur prospettiv oħra, li llum għandhom l-embrijuni krijopriservati f’Mater Dei u qed jistennew ‘embryo transfer’; madwar 100 ġenitur prospettiv, li qed jistennew IVF bl-użu ta’ ‘donor oocytes’ jew ‘donor sperm’; u madwar 50 ġenitur prospettiv li se jingħataw is-servizz tal-IUI kif ukoll s-servizz ta’ PGTM fejn meħtieġ.
Qal, “Hawnhekk qed nitkellmu fuq, bejn wieħed u ieħor, sitt mija u ħamsin koppja li hu numru notevoli u b’dan l-investiment ta’ €6 miljun nixtiequ noffru l-aħjar ċans lil kull wieħed u waħda minnhom.”
Il-Ministru Abela spjega wkoll li l-Gvern b’dan l-investiment qed jagħti wkoll il-Gvern impenjat li jipprovdi servizzi tal-IVF bla interruzzjoni biex tkompli tinżamm l-ogħla effiċjenza fl-indirizzar tal-listi ta’ stennija.”
Qal, “Aħna, bħala Gvern, kommessi li nkomplu ntejbu s-servizzi tagħna f’Mater Dei u nixtiequ nkomplu niżviluppawhom, però n-numri huma dawk li huma. Aħna ma nistgħux nagħlqu għajnejna għall-bżonnijiet ta’ dawn il-koppji u malajr kemm jista’ jkun irridu ngħinuhom. Ngħinuhom bil-gamma sħiħa ta’ servizzi li l-gamma jista’ joffri.”
“Dan qed isir biex, filwaqt li nnaqqsu ż-żmien ta’ stennija, il-ġenituri prospettivi se jkunu qed jirċievu s-servizz meħtieġ minnufih, bl-ispiża tiegħu se jkun qed ikopriha l-Gvern”, temm jgħid il-Ministru Abela.